Sport Sport Ieħor

Ċikliżmu – It-Tour ta’ Malta se jsir ġimgħa oħra

It-23 edizzjoni tat-Tour Internazzjonali ta’ Malta se ssir ġimgħa oħra, proprju bejn nhar il-Ħamis 6 u l-Ħadd 9 ta’ April fejn hu mistenni numru rekord ta’ parteċipanti barranin.

Dan tħabbar waqt konferenza stampa li saret f’dawn l-aħħar jiem fiċ-Ċentru tal-BMX f’Pembroke u li ġiet indirizzata mill-Presideent tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu, John Zammit, kif ukoll mis-segretarju ġenerali, Joe Bajada.

Matul is-snin dan it-Tour serva ta’ opportunità tajba biex iċ-ċiklisti lokali jkunu jistgħu jikkompetu kontra oħrajn barranin f’pajjiżna stess.
Seba’ klabbs lokali flimkien ma’ 16 oħra barranin se jkollhom iċ-ċiklisti tagħhom jikkompetu fl-edizzjoni ta’ din is-sena. Il-maġġoranza tal-klabbs barranin se jkunu ġejjin mill-Ingilterra u mill-Italja u ma’ dawn se jkunu qed jieħdu sehem ukoll fuq bażi individwali, ċiklisti barranin ġejjin minn diversi pajjiżi oħra.

Din is-sena t-Tour se jkun aktar importanti mis-soltu għat-timijiet nazzjonali Maltin minħabba li ċ-ċiklisti se jkunu qed jittamaw li jintgħażlu mill-Kumitat Olimpiku Malti biex jieħdu sehem fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li se jkunu qed jiġu organizzati bejn Mejju u Ġunju li ġej f’San Marino.

Għall-istess għan, grupp ta’ xejn inqas minn 18-il ċiklista, maskili u femminili għadhom kif irritornaw mill-Grand Fondo f’Pafos f’Ċipru fejn rebħu tliet kategoriji, filwaqt li xi timijiet maskili u femminili spiċċaw rebbieħa overall fil-klassifika tat-timijiet.

It-Tour Internazzjonali ta’ Malta se jkun mifrux fuq erbat ijem. L-ewwel tappa se tkun f’Individual Time Trial fuq iċ-ċirkwit ta’ Triq il-Kosta, fis-Salini fuq distanza ta’ 12-il kilometru.

It-tieni tappa fuq distanza ta’ 83.3 kilometru se tkun fil-By-Pass ta’ San Pawl il-Baħar, mentri t-tielet tappa fuq distanza ta’ 60 kilometru se ssir fuq iċ-ċirkwit tan-Nadur f’Għawdex.

Ir-raba’ u l-aħħar tappa, li mistennija tkun waħda deċisiva, se tkun tiġrija ta’ 88 kilometru fuq iċ-ċirkwit ta’ San Martin.
Se jkun hemm tliet kategoriji ta’ ċiklisti jieħdu sehem. Dawn huma tal-Elite, tan-Nisa u tal-Masters ta’ ‘l fuq minn 40 sena.

Ta’ min jinnota li jipparteċipaw se jkun hemm ċiklisti li kienu rebħu dan it-Tour, fosthom Salvatore Coco, li rebaħ fl-2013 u Will Brown li se jiddefendi s-suċċess tiegħu tas-sena l-oħra. Fil-kategorija femminili anke r-rebbieħa tal-aħħar edizzjoni, Marie Claire Aquilina, se tkun qed tiddefendi t-titlu tagħha.