Nhar is-Sibt 10 ta’ Ġunju se tkun organizzata s-seba’ edizzjoni tal-Goalkeeper Battle. L-eksgoalkeeper internazzjonali Malti, Mario Muscat, reġa’ ngħaqad mal-eksgoalkeeper Simon Grech biex jorganizzaw din l-attività li issa kisbet popolarità kbira.
Għall-ewwel darba din se ssir bil-lejl fil-Luxol Stadium ingħatat l-isem ta’ ‘The Teamsport Goalkeeper By Night’. Dan għaliex l-attività, għall-ewwel darba, se tkun organizzata bil-lejl.
Dettalji ngħataw waqt konferenza stampa li saret dawn l-aħħar fi stabbiliment ewlieni f’Ħ’Attard, li ġiet indirizzata mill-organizzaturi nfushom, Mario Muscat u Simon Grech, kif ukoll minn rappreżentant tal-Fondazzjoni Żemżem.
Din il-kompetizzjoni hi opportunità għall-goalkeepers kollha minn disa’ snin ’il fuq biex itejbu l-ħiliet tagħhom u jieħdu gost waqt li jilagħbu l-isport favorit tagħhom.
Dan għandu jservi wkoll bħala tarġa għall-parteċipanti kollha biex jistabilixxu lilhom infushom fil-kampjonati nazzjonali ta’ Malta kif ukoll f’kampjonati barranin.
Madwar 160 goalkeeper ħadu sehem f’kull edizzjoni tal-Goalkeepers Battle matul is-snin li għaddew, u din is-sena in-numru mistenni jkun l-istess.
Għal din l-edizzjoni, bħal m’għamlu fl-aħħar żewġ edizzjonijiet konsekuttivi, l-organizzaturi se jkunu qed imorru aktar lil hinn, hekk kif waqt li t-tfal se jkunu qed jieħdu gost u jilagħbu l-futbol huma se jkunu qed jgħinu lill-Fondazzjoni Żemżem, li hi organizzazzjoni volontarja reġistrata biex tgħin lit-tfal u adulti li qed jingħataw trattament għall-marda tal-lewkemija.
Persentaġġ mid-dħul finanzjarju li jasal mill-isponsors kif ukoll mill-miżata li t-tfal iħallsu biex jipparteċipaw f’dan it-turnament se jkun qed imur għal din il-Fondazzjoni.
F’dawn l-aħħar snin, f’din il-Goalkeeper Battle, ipparteċipaw goalkeepers li matul dawn l-aħħar snin għamlu ċertu isem fil-football Malti fosthom Matthew Calleja Cremona, David Cassar u Daniel Balzan.
Mario Muscat u Simon Grech ħeġġew lil dawk kollha li jixtiequ jieħdu sehem f’din il-Goalkeeper Beach Battle, biex jiġbru l-applikazzjonijiet tagħhom mill-klabbs u n-nurseries kollha ta’ Malta, kif ukoll minn Teamsport fl-Iklin u minn Di Milano ta’ Raħal Ġdid.
//= $special ?>