Kungress EPP Malta Lokali

FILMAT: “Il-Partit Nazzjonalista kapaċi jsarraf it-tama tan-nies f’realtà”

Il-Partit Nazzjonalista kapaċi jsarraf it-tama tan-nies f’realta’. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal dan f’diskors li bih ġab fi tmiemu l-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew li sar f’Malta.

“Aħna minn dejjem urejna li aħna kapaċi noffru s-soluzzjonijiet. Minn dejjem urejna li kapaċi nsarrfu t-tama tan-nies f’realtà” sostna Simon Busuttil. “Jiena kburi li jiena Malti; jiena kburi li jiena Ewropew; u jiena kburi li qed immexxi l-Partit Nazzjonalista – għax huwa l-partit li hu kapaċi jsarraf it-tama u l-aspirazzjonijiet tan-nies f’realtà”, żied jgħid.

Simon Busuttil tkellem dwar il-mod kif il-Partit Nazzjonalista’ kapaċi jsarraf it-tama tan-nies f’realta’ meta kien qed jagħmel referenza dwar il-populiżmu: populiżmu li jeżisti Malta iżda anke fil-bqija tal-Ewropa. “Il-populisti huma dawk li jaqilbu l-verità ta’ taħt fuq; li dejjem jgħidu dak li jridu jisimgħu in-nies li jkollhom quddiemhom; anki jekk jgħidu xi ħaġa lil xi nies u jgħidu bil-maqlub lil xi ħadd ieħor; dawk li jwegħdu kollox lil kulħadd; dawk li jitkellmu dwar il-problemi imma ma joffrux soluzzjonijiet. Il-kejl tagħhom mhux x’se jagħmlu għan-nies, imma kemm se jieħdu voti mingħandhom” innota Simon Busuttil.

L-effetti tal-populiżmu u Gvernijiet soċjalisti jinkludu tmexxija ħażina, u saħansitra Korruzzjoni. Quddiem tlett president ta’ tlett istituzzjonijiet differenti tal-Unjoni Ewropea, Simon Busuttil ma laqlaqx biex jagħmilha ċara li n-nies iridu Ewropa li tiġġieled il-korruzzjoni.

“In-nies jgħidulna li jridu lill-Unjoni Ewropea tiġġieled kontra l-korruzzjoni. Araw fir-Rumanija il-protesti kbar kontra l-korruzzjoni. In-nies fil-protesti kienu qed ixejru l-bandiera tal-Ewropa – għax in-nies jistennew li l-Unjoni Ewropea tiddefendi d-dritt tagħhom għal politika nadifa u l-ħarsien tal-liġi” qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista quddiem Antonio Tajani (President tal-Parlament Ewropew), Jean Claude Juncker (President tal-Kummissjoni Ewropea) u Donald Tusk (President tal-Kunsill Ewropew).

Għat-tieni ġurnata tal-Kungress attendew mhux biss il-Presidenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Kunsill Ewropew, imma anke għadd ta’ mexxejja Ewropej, fosthom il-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel, li mal-wasla tagħha ngħatat merħba mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.

Ara aktar: Simon Busuttil jilqa’ lil Angela Merkel

Quddiem aktar minn 1,500 delegat tal-Partit Popolari Ewropew, Simon Busuttil impenja ruħu li fl-elezzjoni ġenerali li jmiss, jagħti lill-Unjoni Ewropea Gvern Nazzjonalista ġdid u serju f’Malta. “Il-preżenza tagħkom hawnekk hija sinjal ċar ta’ ħbiberija, fiduċja u appoġġ għall-Partit Nazzjonalista. Dan jimlini b’kuraġġ kbir li jsaħħaħ id-determinazzjoni tagħna” qal Simon Busuttil. “Min-naħa tiegħi, se nagħmel li nista’ biex nagħti lill-Unjoni Ewropea Gvern ieħor tal-Partit Popolari Ewropew, u Gvern li l-poplu Malti verament ħaqqu”, żied jgħid.

Waqt il-Kungress, l-ogħla uffiċċjali tal-Partit Popolari Ewropew iddikkjaraw li se jappoġġjaw lill-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Simon Busuttil fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.