Sa 20 sena ilu, Adam Deen kien qed jiġġieled biex fl-Ingilterra tidħol ix-Sharia Law u biex jitwaqqaf xi tip ta’ Stat Iżlamiku, imma llum imexxi NGO f’Londra li taħdem biex tiġġieled l-estermiżmu.
“Jien kont estremist u ridt li ix-Sharia Law tidħol fl-Ingilterra” qal Adam Deen f’kummenti ma’ NET News fi tmiem workshop li sar bħala parti mill-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) f’Malta, u li tmexxa mill-MEP Therese Comodini Cachia.
“Dak iż-żmien konna naraw l-estremiżmu Islamista bħala l-interpretazzjoni awtentika tal-Islam. Kont għadni żgħir u ma kontx naf x’inhuma l-alternattivi, ma ntbaħtx kemm kienu ideat fażulli, u għaldaqstant assumejt li dak it-twemmin kien qed jirrappreżenta l-Iżlam” qalilna Deen.
Mistoqsi jekk għaldaqstant kienx jikkunsidra lilu nnifsu bħala estremista, Deen qalilna: “użgur, ċertament ngħid li jien kont Islamista estremist, m’hemmx dubju”. Żied jispjega li dak iż-żmien, ma kienx hemm alternattiva għall-ideat estremisti sakemm beda jiltaqa’ ma’ nies ġodda li għenuh jifhem li l-estremiżmu mhuwiex it-twemmin veru tal-Iżlam. Kien għalekk li fuq perjodu ta’ żmien, għadda minn trasformazzjoni sakemm iddeċieda li ma jibqax iħaddan twemmin estremist.
“Meta n-nies jitkellmu dwar l-estremiżmu, moħħhom imur fl-ISIS. Imma l-ISIS mhijiex il-kaġun tal-estremiżmu; kien l-estremiżmu li ħoloq l-ISIS, u għaldaqstant huwa t-twemmin estremist li rridu niġġieldu” qal Deen fil-kummenti tiegħu.
Il-kummenti ta’ Adam Deen saru fi tmiem workshop li matulu kienet diskussa l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar it-terroriżmu u l-estremiżmu. Il-workshop tmexxa mill-MEP Therese Comodini Cachia, li fissret li l-Partit Popolari Ewropew, fil-Kungress, qed jaddotta riżoluzzjoni dwar il-ġlieda kontra l-estremiżmu.
//= $special ?>