Internazzjonali

Ir-Renju Unit ifassal il-pjan biex jinbidlu l-liġijiet kollha tal-UE

 

Eluf ta’ regoli tal-Unjoni Ewropea li jvarjaw fl-aspetti – mid-drittijiet tal-ħaddiema sal-ambjent – għandhom jitneħħew inkella jinbidlu bl-ekwivalenti li qed iressaq ir-Renju Unit skont il-pjan ġdid għall-Brexit.

Dettalji tal-abbozz ippjanat – magħruf bħala l-Great Repeal Bill – qed ikunu pubblikati wara li r-Renju Unit beda, uffiċjalment, il-proċess ta’ sentejn biex jitlaq mill-UE.

Il-Ministri, issa, iridu ‘jikkupjaw u jehmżu’ il-liġijiet tal-UE bħala liġijiet effettivi għall-Britanniċi biex jevitaw ‘ħofra sewda minn aspett legali’ ladarba l-Brexit jidħol bis-sħiħ.

L-aħħar żviluppi seħħew ukoll waqt li l-Ministri qegħdin jiċħdu dwar tilwima mal-UE rigward is-sigurtà fil-futur.

Is-Segretarju għall-Brexit, David Davis, qal, fi stqarrija lid-deputati f’Londra, li l-abbozz (Repeal Bill) se jagħmel l-affarijiet aktar ċari għan-negozji u l-konsumaturi sa mill-proprju jum meta r-Renju Unit jitlaq għal kollox lill-UE. Skont Davis, l-abbozz jippermetti biex in-negozji jkomplu jaħdmu ‘bl-għarfien li r-regoli ma nbidlux mil-lum għall-għada’. Dan waqt li l-proċess jaċċerta li ma jsirux ‘il-bidliet f’daqqa’ għad-drittijiet tal-individwu.

Davis qal ukoll li d-drittijiet tal-ħaddiema, il-ħarsien tal-ambjent u d-drittijiet tal-konsumatur li, fil-preżent, huma minsuġin fir-regoli tal-UE, għandhom jibqgħu effettivi ‘bħal qabel’ f’pajjiżu u ladarba r-Renju Unit jispiċċa mill-Unjoni.

Intant, il-Parlament tar-Renju Unit u l-amministrazzjonijiet fl-Iskozja, Wales u l-Irlanda ta’ Fuq ikunu, imbagħad, jistgħu jemendu inkella jwarrbu dawn il-liġijiet mingħajr il-kunsens tal-UE. L-abbozz anki se ‘jtemm is-supremazija’ tal-liġi tal-UE fir-Renju Unit fejn, fi kliem Davis, ‘se jipprovdi dak li kien imwiegħed skont ir-riżultat tar-referendum tas-sena l-oħra dwar il-futur tar-Renju Unit fl-Ewropa’.

Sadanittant, Davis irrifjuta diskors li r-Renju Unit qed jipprova ‘jirrikatta’ lill-UE b’li jqajjem issues tas-sigurtà qabel it-taħditiet dwar Brexit.

Dan wara li l-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, fl-ittra li ressqet biex tattiva Artiklu 50 tat-Trattat ta’ Lisbona li jiftaħ għall-Brexit, issuġġeriet li l-kooperazzjoni mal-UE fil-ġlieda kontra t-terrur u l-kriminalità tispiċċa taħt sogru f’każ li r-Renju Unit ma jaqbilx dwar ftehim ġenerali għall-Brexit fi żmien is-sentejn stipulati.

Min-naħa tagħha, il-Prim Ministru May ammettiet li l-moviment ħieles jista’ ikompli b’xi forma jew oħra anki ladarba r-Renju Unit ikun spiċċa uffiċjalment minn Stat tal-UE. May spjegat li l-kunċett ta’ freedom of movement ikun jista’ ikompli waqt li r-Renju Unit ifassal l-arranġamenti ġodda waqt perjodu ta’ tranżizzjoni.