Lokali

Joseph Muscat talab li jiltaqa’ ma’ Silvio Berlusconi f’Malta … imma rrifjuta

Il-Prim Ministru Joseph Muscat avviċina numru ta’ persuni jitlobhom bix ikun jista’ jiltaqa’ mal-eks Prim Ministru tal-Italja, Silvio Berlusconi. Madankollu din il-laqgħa ma saritx, bil-mexxej ta’ Forza Italia jirrifjuta.

Kienu persuni qrib Silvio Berlusconi li staqrrew dan ma’ numru ta’ esponenti tal-Partit Popolari Ewropew, kif ukoll mad-Deputat Jason Azzopardi, fejn spjegaw kif bejn ilbieraħ u llum kien hemm diversi attentati biex issir laqgħa bejn iż-żewġ partijiet  u jittieħed ukoll ritratt uffiċjali.

Matul il-ġurnata spikka wkoll il-fatt li l-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel ma ltaqgħetx mal-Prim Ministru Joseph Muscat, xi ħaġa kuntrarja għal dak li jsir is-soltu fejn il-mexxejja mistiedna f’pajjiż barrani jiltaqgħu mal-mexxej tal-pajjiż.

Għall-kuntrarju, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil kellu laqgħa privata ma’ Silvio Berlusconi, u kien ukoll il-persuna li akkumpanja lill-Kanċillier tal-Ġermanja fil-post fejn kien qed isir il-Kungress tal-PPE u spiss dehru jiddiskutu bejniethom waqt li kien għaddej l-istess Kungress.

F’jumejn din hi t-tieni darba li Joseph Muscat irċieva rifjut minn mexxejja Ewropej li xtaq li jiltaqa’ magħhom biex ikollu ritratt uffiċjali. Ilbieraħ kien is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Popolari Ewropew, Antonio López-Istúriz White li żvela li diversi membri tal-PPE f’Malta ġew ikkuntatjati mill-Prim Ministru Malti Joseph Muscat biex jieħdu ritratt miegħu.