Kungress EPP Malta Lokali

Segwi l-interventi kollha tat-tieni jum tal-Kungress tal-PPE

Segwi l-interventi kollha li saru dalgħodu:

Irridu nkunu magħqudin u nħarsu l-libertà tal-espressjoni – Joseph Daul, President tal-PPE

Fid-diskors tiegħu, Joseph Daul, xtaq jirringrazza lill-Kap tal PN Simon Busuttil għas-suċċess tal-kungress flimkien ma dawk involuti. Daul kompla d-diskors tiegħu billi qal li l-biża fl-UE irridu ndawruha f’tama. Irringrazzja lill-mexxejja ta’ wħud mill-akbar stati membri tal-UE li attendew għall-kungress. Sostna wkoll li dan l-aħħar kien hemm riżultati tajbin għal uħud mill-membri tal-PPE f’pajjiżhom. Tkellem ukoll dwar il parir li dejjem tatu martu u anke s-Segdetarju Generali tal-PPE Antonio Lopez Isturiz, biex nahsbu qabel nitkellmu għaliex dak huwa parti mis-suċċess ta’ wħud mill-mexxejja li jiffurmaw parti mill PPE u mill-UE. Joseph Daul temm jgħid li rridu nkunu magħqudin u nippromwovu l-paċi u l-libertà tal-espressjoni.

“Irridu nisfidaw id-diffikultajiet b’kuraġġ” – il-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel

Il-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel appellat lill-mexxejja Ewropej biex flimkien ikollhom il-kuraġġ li jieħdu azzjoni, ma jħallux li l-Ewropa tkun rieqda, imma jiġġieldu l-isfidi.” “Aħna nħobbu lill-Ewropa, u għalhekk għandna sfida biex inħallu lill-ġenerazzjonijiet futuri Ewropa aħjar milli sibniha,” iddikjarat il-Kanċillier Ġermaniża. Merkel qalet li l-Partit Popolari Ewropew għandu responsabbiltà qawwija, hekk kif hu l-ikbar partit politiku tal-Unjoni Ewropea, u għalhekk fakkret li l-poplu Ewropew irid ir-risposti u jistenna li l-politiċi jindirizzaw u jsolvu l-problemi. “Aħna l-Unjoni Ewropea, 27 stat membru, u hemm bżonn li nsibu s-soluzzjonijiet,” appellat Merkel, li fid-diskors tagħha enfasizzat ħafna fuq il-problema tal-immigrazzjoni u l-bżonn ta’ attenzjoni tal-fruntieri tal-Ewropa u l-pajjiżi ġirien. Irreferiet għall-ftehim li t-Turkija tieħu l-immigranti, u qalet li dan kien eżempju ta’ kif l-Unjoni Ewropea tista’ taħdem ma’ stati li mhux membri tal-Unjoni Ewropea b’suċċess biex jissolvew il-problemi. “Aħna pijunieri tas-sigurtà, u għalhekk lesti għal ġlieda qawwija kontra t-terroriżmu,” iddikjarat Merkel.

Brexit huwa bidu u mhux tmiem bħalma jixtieq Il-President Trump – Il-President Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker qal li l-istorja Ewropea hi mmarkata b’diversi punti pożittivi u negattivi. “F’Ruma ftit tal-jiem ilu iċċelebrajna l-Ewropa. Ma jimpurtax li nitkellmu dwar il-kriżijiet iżda għandha nitkellmu wkoll dwar is-suċċessi tagħna; paċi b’mod sħiħ għal 60 sena, grazzi għal min ħadem għal din il-paċi għax daq il-gwerra,” qal Juncker. Ftit jiem wara waslet l-ittra li tat bidu għal Brexit. Juncker qal li  għandna nħarsu lejn Brexit bħala bidu ġdid u bidu iktar b’saħħtu. “Ħafna jixtiequ li Brexit hi t-tmiem tal-Ewropa, fosthom il-President il-ġdid tal-Istati Uniti. Aħna se nkomplu nimxu ‘l quddiem u nħarsu lejn il-ħames xenarji dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea kif imfissra fil-White Paper tal-Kummissjoni Ewropea u ssir diskussjoni tajba u serja,” qal il-President tal-Kummissjoni Ewropea, “Minflok ingergru fuq Kummissjoni li tiddetta, il-Parlamenti Nazzjonali u s-soċjeta’ ċivili għandhom tiddiskuti u jkunu parteċipi.” Hu kompla li għad fadal proġetti li għadhom qed jitlestew bħas-suq intern, l-unjoni monetarja, u l-ħtiġijiet ta’ difiża u fejn saħaq li għandha tiżdied l-effiċjenza fin-nefqa f’dan il-qasam. Juncker tkellem ukoll dwar il-qasam soċjali, fejn sostna li dan mhux monopolju tax-xellug u l-PPE jista’ jmexxi dan il-qasam aħjar mis-Soċjalisti. Dwar l-isfida tal-populiżmu, Juncker qal li “rridu nitkellmu mal-Ewroxettiċi iżda mhux mal-populisti radikali. Irridu nqumu u nwieġbu għall-isfida tal-populisti.”

Bil-proċess ta’ Brexit l-UE se toħroġ aktar b’saħħitha – Donald Tusk, il-President tal-Kunsill Ewropew

Ftit jiem ilu f’Ruma fakkarna anniversarju importanti ħafna, fakkarna dak li għaqqadna għal dawn is snin kollha. Tusk qal li jemmen li bi Brexit l-UE se toħroġ aktar b’saħħitha minn qatt qabel bis-sovranitá kollha tagħha. Fil-passat kien hemm min jgħid li bil-pajjiżi magħqudin flimkien f’Unjoni Ewropea waħda is- sovranità tal-istati se tonqos imma dan ma keinx minnu. Il-missjoni tagħna għandha tkun UE b’saħħitha internazzjonalment billi tipproteġi l-fruntieri tagħha. L-immigrazzjoni rregolari fl-Ewropa, il-paċi, l-ordni internazzjonali, il-kriżi li laqtet pajjiżi bħall-Ukrajna, dak li ġara fit-Turkija s-sena l-oħra huma kollha kriżijiet li għandhom jgħaqduna aktar filwaqt li noffru soluzzjonijiet. Il-mibegħda organizzata għandha tiġi indirizzata malajr kemm jista jkun.Tusk kompla jgħid li m’għandux ikun hemm kontroversji fejn jidħlu s-sovrantita u l-libertà li tgawdi l UE. Dawk huma principji li jaghmlu lill UE success.

“Bl-għaqda u l-kooperazzjoni nistgħu negħlbu l-isfidi” – il-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani

“Jekk l-Unjoni Ewropea trid li tegħleb l-isfidi, irridu ningħaqdu dejjem iktar biex flimkien inkunu b’saħħitna kontra l-isfidi attwali.” Frisk mir-rebħa li wasslitu biex jilħaq il-President tal-Parlament Ewropew, Tajani qal li r-rebħa mhix tiegħu iżda tal-poplu Ewropew, li wiegħed il-ħidma tiegħu għalih. Semma’ l-isfidi prinċipali tal-Unjoni Ewropea, Tajani qal li trid ħidma konġunta. Investiment fl-Afrika biex tiġi miġġielda l-immigrazzjoni, slidarjetà u kooperazzjoni kontra t-terroriżmu ħidma fl-isfond ta’ Brexit. Tajani tkellem ukoll fuq l-importanza tat-tisħiħ taż-żgħażagħ, li fakkar li huma l-mexxejja tal-futur u qal li l-importanza tal-istabbiltà tista’ twassal biex ikun megħlub il-popoliżmu, dawk li jirkbu fuq l-inċertezzi biex jiksbu l-poter. F’apell imqanqal lill-mexxejja Ewropej, Antonio Tajani ftaħar li hu Kristjan u kburi bl-identità tal-Partit Popolari Ewropew, u filwaqt li apella biex din l-identità tkun imħarsa, enfasizza l-bżonn li ssir ħidma favur it-tkabbir tal-ekonomija, ħolqien ta’ xogħol u futur għaż-żgħażagħ.

Qegħdin f’salib it-toroq storiku, iżda ma nibqgħux nitkellmu fuq kriżijiet – Manfred Weber – Chairman PPE fil-Parlament Ewropew

Iċ-Chairman tal-Grupp tal-PPE fil-Parlament Ewropew Manfred Weber qal li l-Kungress f’Malta għandu żewġ għanijiet ewlenin: l-ideat għall-ġejjieni tal-UE u appoġġ lill-Partit Nazzjonalista u Simon Busuttil. Hu awgura lil Simon Busuttil li jirrepeti s-suċċess li nkiseb fil-Kroazja fl-aħħar ġimgħat.Weber kompla mhux kumbinazzjoni li 260 membru minn 27 stat membru li jivvutaw flimkien f’iktar minn 95% tal-voti fil-Parlament Ewropea. “Il-PPE mhux biss hu l-ikbar grupp iżda hu wkoll l-iktar grupp magħqud fil-Parlament Ewropew,” tenna Weber. “Qed niffaċċjaw ħafna sfidi, veru, iżda meta nqabbluhom ma’ dawk ta’ 60 sena ilu, żgur li m’humiex bħall-isfidi li kellhom il-fundaturi. Kull ġenerazzjoni kellha l-isfidi tagħha. Dak li hu jgħodd f’dak iż-żmien għadu jgħodd illum: li magħqudin, insolvu l-isfidi ta’ quddiemna.”  Weber qal li hu għandu 44 sena u tiegħu hi l-ewwel ġenerazzjoni li għexet f’kontinent magħqud u ħieles. “Missirijietna għexu f’Ewropa mifruda u n-nanniet tagħna kienu jafu biss il-gwerra. Tgħidulix li l-UE mhux suċċess!” tenna Weber. Iċ-Chairman tal-PPE qal li aħna politiċi u mhux diplomatiċi, allura nitkellmu b’mod ċar. “It-Turkija qed titbiegħed mill-valuri Ewropej, ma nistgħux nibqgħu qisu xejn m’hu xejn. Hu ċar li t-Turkija ma tistax tkun Membru tal-UE.” Dwar Brexit, Weber qal li  dan hu żball storiku li se joħloq ħsara fiż-żewġ naħat. “Anki hawnhekk irridu nkunu ċara: min se jitlaq jitlef il-vantaġġi u għandu jintbagħat messaġġ ċar lir-Renju Unit, li l-mod kif jaqbad u jagħżel li jogħġbu, kif għamel fl-aħħar għexieren tas-snin mhux se jkun aċċettat.” Werner għalaq dwar il-wirt komuni kulturali Ewropew u l-Kristjaneżmu li ddeskrivieh bħala r-ruħ tal-UE. “Da Vinci, Mozart, Beethoven u Chopin, dawn huma kollha ismijiet tagħna.  U meta tmur Dublin, Lisbona, Ateni u Vilnius tara xi ħaġa komuni – il-Kristjaneżmu li kif qal il-Papa Franġisku f’Ruma hu r-ruħ tal-UE – u aħna tal-PPE kburin minn dan,” temm Manfred Weber.

“Aħna li noffru l proposti” – Mariana Rajoy, Prim Ministru ta’ Spanja

Il-progett Ewropew hu storja ta’ suċċess. Qatt ma kellna Ewropej qabel ġiet stabbilità l-UE, fejn in-nies ħadmu flimkien għal għan komuni. Rajoy qal li għaddejna minn żminijiet diffiċli u oħrajn li ħallew effetti sbieħ fuq il-poplu Ewropew. Bħala politiċi rridu noffru soluzzjonijiet faċli għall-aktar problemi diffiċli, dan bl-iskop li nnaqqsu l-effetti negattivi u l-popli tal-istati membri. Bħalissa filfatt għaddejjin minn żmien ta’ sfida imma ma rridux naqtgħu qalbna u rridu nsibu l-mezz li noħorġu minnu bl-ahjar mezz possibbli fejn nassiguraw li l-prijoritajiet tal-UE ma jkunux mittifsa. Fost dawn l-isfidi semma Brexit, l-isfidi ekonomici, l-politika soċjali li trid tkun aktar vicin iċ-ċittadini ewropej, is-sigurtà kontra  t-terroriżmu u l- immigrazzjoni. Irridu nitkellmu b’mod pożittiv dwar l-UE b’hekk nistgħu nimxu ‘l quddiem dan mingħajr ma neliminaw dak li hemm bżonn inbiddlu. Rajoy temm jgħid li l-mexxejja preżenti għall-kungress tal-PPE huma dawk il-politiċi li jemmnu fil-futur Ewropew flimkien bħala stati membri, “Aħna li noffru l proposti”.

“Il-PN wassal lil Malta saċ-ċentru tal-Ewropa” – Antonio López-Istúriz White, Segretarju Ġenerali tal-PPE

Pajjiżna llum-il ġurnata sar wieħed mill-iktar pajjiżi importanti fl-Ewropa grazzi għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, il-membri parlamentari Ewropej li jirrappreżentawna u l-membri tal-Partit Nazzjonalista. Fid-diskors tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-EPP Antonio López-Istúriz White saħaq li l-Partit Nazzonalista jxiraqlu li jmexxi lil pajjiżna għall-ġid kollu li għamel għal Malta u Għawdex. Faħħar lill-Partit Nazzjonalista u lill-membri tiegħu, li fi kliemu kienu huma li ħadmu biex wasslu lil Malta saċ-ċentru tal-Ewropa. Qal li s-summit li qed isir f’pajjiżna qed iwassal għal messaġġ: Il-Partit Popolari Ewropew hu magħqud u b’saħħtu. Fl-istess waqt qal li s-Soċjalisti madwar id-dinja qed iħaffru qabar għalihom nfushom, waqt li l-Partit Popolari Ewropew qed ikompli jikseb rebħiet u fuq kollox iwassal messaġġ ta’ għaqda. “Jekk il-PPE jitlef l-unità tiegħu, l-Unjoni Ewropea jkollha problemi serji,” Antonio López-Istúriz White. “L-estremisti mhux se jirnexxu,” iddikjara López-Istúriz White, li fakkar li l-Unjoni Ewropea ma nħolqotx biex tipproteġi lill-istituzzjonijiet tagħha imma biex tiddefendi liċ-ċittadini. “Irridu nwasslu lill-alleati biex jirrispettawna, u lill-għedewwa biex jibżgħu minnha.

L-Irlanda titlob l-appoġġ tal-PPE biex jitħares il-ftehim ta’ paċi fl-Irlanda ta’ Fuq – il-PM Irlandiż Enda Kenny

“L-Irlanda qed titlob l-appoġġ tagħkom biex il-proċess ta’ paċi tal-Irlanda ta’ Fuq f’sitwazzjoni fejn l-Irlanda se tibqa’ fil-qalba tal-UE u l-Irlanda ta’ Fuq titlaq mill-Unjoni Ewropea.” Il-Prim Ministru Irlandiż Enda Kenny tenna li hemm bżonn li l-ftehim tal-1998 ikun fil-punt tat-tluq tan-negozjati mar-Renju Unit dwar Brexit. Enda Kenny qal li hu ta’ kuraġġ li l-PPE għandu l-Presidenza tal-Kunsill Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew u l-Kap Negozjatur, Michel Barnier għandu esperjenza diretti tas-sitwazzjoni fl-Irlanda. Min-naħa l-oħra il-PM Irlandiż hu grat għall-lingwaġġ mill-Prim Ministru Ingliż Theresa May fl-ittra li tat bidu għall-Artiklu 50 li juri impenn li jinżamm il-ftehim ta’ paċi. “L-ikbar saħħa u suċċess tal-UE, il-paċi, saret l-ikbar theddida għaliha b’ġenerazzjonijiet sħaħ ma ssejjħux biex jiġġieldu gwerer. Ħadna dik il-paċi for granted, u l-apatija hi l-ikbar għadu,” qal Kenny. Hu sostna li  rridu nisimgħu dawn l-ilħna. “Irid ikollna s-sens u l-umilta’ nammettu għaliex nies ħallew iċ-ċentru u marru lejn ix-xellug b’sens ta’ rabja u lejn il-lemin b’sebs ta’ biża’.” Il-PM Irlandiż qal li l-Partiti tal-PPE għandhom f’idejhom iċ-ċavetta biex jiżguraw l-aqwa ġejjieni għaċ-ċittadini tal-UE.

“Irridu noffru aktar sapport lil xulxin” – Nicos Anastasiades, President ta’ Ċipru

Il-familja politika tagħna hija tweġiba internazzjonali ta’ kif pajjiżi jistgħu jaħdmu flimkien. Irridu naħdmu għal aktar unità sostna l-President Ċiprijott u dan biex insaħħu d-demokrazija tagħna biex nassiguraw li taħdem bl-aħjar mod għaċ- ċittadini Ewropej. Il-progress ekonomiku u soċali rridu insibulu miri ġodda biex ma nerġgħux naffaċċjaw xi kriżi oħra finanzjarja. Bħala pajjiżi membri rridu noffru aktar sapport lil xulxin u nemmnu aktar fis-solidarjetà. Bħala PPE nagħtu valur lill-prinċipji tagħna u anke Ċipru temmen fihom. Għalhekk fi żmien ta’ sfida għall-UE rridu nagħmlu lil Ċipru wieħed mill-pajjiżi żgħar ta’ suċċess fil-proġett Ewropew. Hu rringrazzja lill-Kap tal-PN Simon Busuttil u l-PN ta’ dan il-kungress li qed isir f’Malta. Kungress li matulu kompliet titfassal il-politika tal-PPE.

“Irridu Unjoni Ewropea magħquda” – Klaus Iohannis, President tar-Rumanija

Irridu Unjoni Ewropea magħquda, biex flimkien bħala familja negħlbu l-isfidi li għaddejjin minnhom u fuq kollox naħdmu biex insaħħu l-valuri tagħna. Qal dan l-eks Prim Ministru, illum President tar-Rumanija, Klaus Iohannis, li fakkar li l-Ewropa għaddejja minn diffikultajiet bla preċedent taxxa, immigrazzjoni, nazzjonaliżmu, popoliżmu, Brexit u fuq kollox l-ewroxettiċiżmu li saru sfidi ewlenin. “Il-libertà, demokrazija, paċi, sigurtà u solidarjetà għandhom ikunu l-prinċipji ewlenin tagħna,” qal Iohannis, li kompla li b’hekk biss l-Unjoni Ewropea tasal biex biex jitwaqqgħu l-ħitan, u lkoll flimkien il-pajjiżi Ewrpej jilħqu konverġenza reali bejn l-istati membri kollha. “Iċ-ċittadini jistennew mingħandna Ewropa b’saħħitha, ibbażata fuq il-valuri u sigurtà u b’hekk biss nistgħu mill-ġdid niksbu l-fiduċja tagħhom,” kompla Iohannis, li fakkar kif minkejja Brexit, xorta waħda hemm xewqa li jinstabu soluzzjonijiet iktar milli l-falliment tal-proġett Ewropew. Fid-dawl ta’ dan, stieden lill-mexxejja biex ikunu kburin b’dak miksub, suq komuni, żona Schengen, munita komuni u l-politika ta’ koeżjoni, iżda appellalhom biex issa jħarsu ‘l quddiem lejn il-futur tal-Ewropa, fuq il-prinċipju tal-unità fid-diversità, li dejjem kien ilastru ewlieni tal-Unjoni Ewropea.

“Riforma fil-politika barranija li tippromwovi l-istabbilita” – Viktor Orban, Prim Ministru tal-Ungerija

“L-Ewropa tal-Lvant batiet għal għexieren ta’ snin taħt komuniżmu u okkupazzjoni Sovjetika. Aħna fiċ-ċentru tal-Ewropa naraw li l-Ewropa hu l-aħjar post fejn tgħix, għall-paċi għall-liberta’ u … għalissa.” Sostna dan il-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orban fejn wissa li hemm perikli serji għall-Ewropa fosthom kriżi ta’ kompetittivita’, ta’ migrazzjoni, ta’ sigurta’, u ta’ politika barranija. “Il-Futur qed ipoġġi dell fuq il-preżent u dan qed iwassal biex partiti radikali biex irabbu l-għeruq,” tenna Orban. Il-Migrazzjoni wasslet biex ikun indirizzat tnaqqis f’xi swieq tax-xogħol, iżda wkoll terroriżmu, żieda fl-anti-semitiżmu u l-ħolqien ta’ soċjetajiet paralleli. Orban kompla li hemm bżonn riformi fil-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem għaliex xi sentenzi tagħha huma ta theddida għas-sigurta’ tal-UE. “Ngħinu lil min hu ġenwinament fl-inkwiet iżda ma nġibux l-inkwiet fuq rasna,” wissa l-Prim Ministru Ungeriż. Dwar il-politika barranija, Orban qal li hemm bżonn politika barranija Ewropea li tippromwovi l-istabilita’. Hu qal li fil-Balkani qed tiżdied l-influwenza tar-Russja, tal-Istati Uniti u tat-Turkija ta’ Erdogan u dik tal-Unjoni Ewropea qed tmajna. Hu ħeġġeġ sabiex jitħaffef il-proċess ta’ sħubija tal-Montenegro u s-Serbja. Orban temm li l-partiti popolari m’għandhomx jibżgħu mill-ġlieda ideoloġika max-xellug. “Jgħajjruna populisti kemm iridu, aħna nafu li m’aħniex,” qal il-PM Ungeriż.

Ħtieġa ta’ determinazzjoni politika – Andrei Plenkovic,  Prim Ministru tal-Kroazja

L-isfidi li qed taffaċċja l-UE huma ħafna u għandhom bżonn determinazzjoni politika. Nafu li l-proġett Ewropew kien beda mill-akbar qawwiet Ewropej ta’ dak iż-żmien minn dak iż-żmien ‘l hawn irridu nkomplu naħdmu biex insibu bilanċ bejn it-taħdidiet, l-istituzzjonijiet u l-prinċipji li nħaddnu. Qal ukoll li ma rridux ninsew l-aspett soċjali u ekonomiku li għandna nħaddmuhom flimkien. Għamel referenza wkoll għall-Brexit u bħall membri l-oħra tal-PPE li tkellmu qablu, qal li dan wasal minħabba l- populiżmu. Qal li Brexit kien żball strateġiku li minħabba kwistjoni interna ta’ partit fl-Ingilterra qed nesperjenzaw sfida fl-Ewropa. Il-politika ta tkabbir tal-UE kienet tema oħra li tkellem dwarha. Dan hekk kif hemm pajjiżi batuti u jekk ma ngħinuhomx minflok jinklinaw lejn l-UE minflok jegħrqu ‘l bogħod. Plenkovic temm id-diskors tiegħu billi rringrazzja lil Malta u lill-PN tal-ospitalità.

Rob Weinwright jingħata l-Unur ta’ Mertu tal-PPE

Id-Direttur tal-Europol, Rob Weinwright, li ilu jokkupa din il-kariga sa mill-2009, ingħata rikonoxximent tal-ħidma tiegħu matul dawn is-snin. Dan qabel jispiċċa t-terminu tiegħu iktar tard matul din is-sena. Il-Europol hu l-uffiċċju tal-Pulizija fl-Ewropa, bl-għan li jkun hemm koordinazzjoni tal-investigazzjonijiet bejn il-pajjiżi Ewropej u t-tisħiħ tas-sigurtà fl-Ewropa. Il-President tal-PPE Joseph Daul iddeskriva dan l-unur bħala rikonoxximent għal persuni li jkunu taw ħafna lill-Unjoni Ewropea u l-kontinent Ewropew inġenerali. Daul iddeskriva l-ħidma tal-Europol bħala vitali biex tassisti lill-Unjoni Ewropea. Fid-diskors tiegħu wara li rċieva dan l-unur, Weinwright qal li minkejja s-suċċess tal-Europol fl-aħħar snin, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, cybercrime, traffikar tal-umani u kriminioħra ma tistax issib biss fl-Ewropa. Irrefera għall-problema ta’ mijiet ta’ eluf ta’ persuni radikalizzati, li jpoġġu problema lill-komunità internazzjonali. “Xogħolna hu li nqarrbu mill-ġdid il-komunità internazzjonali biex taħdem flimkien,” appella Weinwright

“Irridu nsaqsu jekk nistgħux nagħmlu iżjed” – id-Deputat Prim Ministru tal-Latvja Arvils Aseradens

Id-Deputat Prim Ministru tal-Latvja Arvils Aseradens staqsa lil dawk preżenti għas-Summit tal-PPE jekk nistgħux nagħmlu iktar, biex il-kontinent Ewropew ikun iktar sigur, joffri iżjed prosperità għaċ-ċittadini tiegħu. Dan filwaqt li fakkar kif matul is-snin li għaddew l-Unjoni Ewropea nbniet pass wara pass fuq il-prinċipji tal-prosperità u l-paċi, li wasslu biex għal dawn is-snin il-kontinent gawda minn żmien bla gwerer. Stqarr li l-mexxejja Ewropej mhux kuntenti jaraw lil sħabhom il-Brittaniċi jħallu l-Unjoni Ewropea, iżda appella għall-għaqda, biex l-Unjoni Ewropea tkompli tkun storja ta’ suċċess.

Il-PPE hu l-vuċi tar-raġuni f’dinja ta’ populiżmu u slogans – Viċi Prim Ministru tal-Belġju Kris Peeters

“Il-ġimgħa l-oħra fakkarna il-vittmi tal-attakk terroristiku fi Brussell. Hemm wisq minn dawn l-istejjer f’diversi pajjiżi. Hemm bżonn Ewropa b’saħħitha biex niġġieldu t-terroriżmu u l-estremiżmu Iżlamiku.”Irridu nsaħħu l-koperazzjoni bejn il-Pulizija u s-servizzi ta’ intelligence. Din hi ġlieda komuni kruċjali iżda mhux l-unika ġlieda. L-UE għadha meħtieġa bħalma kienet meħtieġa 60 sena ilu. Il-viżjoni tagħna għandha tkun unjoni komuni f’diversita’, ngħollu l-istandards għal kulħadd. Hu qal li min irid iktar koperazzjoni għandu jitħalla jagħmel dan, core group li jaf tkun katalista’ għall-kumplament iżda li ma jkunx sors għal diviżjoni. L-istati l-oħra għandhom ikollhom id-drittijiet kollha iżda m’għandhomx ipoġġu veto fuq min irid jimxi iktar ‘il quddiem. Il-PPE huma l-vuċi ta’ raġuni f’dinja ta’ slogans u l-PPE hu l-partit li se jassigura l-ġejjien tal-Ewropa, temm il-Viċi PM Belġjan.

“Dwar l-immigrazzjoni rregolari hemm bżonn azzjoni kemm jista jkun malajr” –  Pavel Belobradek, Deputat Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka

L-UE hi unjoni li toffri prosperitá, valuri, tħaddan b’mod sħiħ id- demokrazija u taħdem biex il-minoranzi fil-membri stati jingħataw vuċi. Tkellem dwar li nespandu r-rwol tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni biex niftħu aktar l-orizzonti. Dwar it-tkabbir ekonomiku hemm bżonn li tkun aktar taħt kontroll b’tali mod li ħadd ma jaqa’ lura. Dwar il-kwistjoni tal immigrazzjoni qal li hemm bżonn azzjoni kemm jista jkun malajr u li tkun tirifettli ġustizzja soċjali mal-popli tal-istati membri. Hu veru li l-UE tħaddan moviment faċli minn stat membru għal ieħor imma dan b’mod regolarizzat u l-istess għandu jsir dwar immigrazzjoni rregolari. Hu temm jgħid li ma rridux ninsew li filwaqt li fl-UE ngawdu mir-rispett lejn id- drittijiet fundamentali tal-bniedem imma hemm pajjiżi, li m’humiex parti mill-UE u li għalihom hi sfida li jħaddnuhom minħabba ‘l mod kif jitmexxew. Hu semma li lil dawn in-nies ma rridux ninsewhom.

“Irridu niffukaw fuq it-tħassib taċ-ċittadini Ewropej” – l-aġent Kanċillier tal-Awstrija Reinhold Mitterlehner

Il-viżjoni tal-PPE 60 sena ilu wasslet għal propserità u paċi, iżda issa ninsabu affaċċjati bil-futur, fost l-oħrajn bil-kwistjoni ta’ Brexit. Irridu niffukaw fuq it-tħassib taċ-ċittadini Ewropej biex inħarsu lejn il-futur.

Qal dan l-aġent Kanċillier tal-Awstrija Reinhold Mitterlehner li wissa’ li l-poplu Ewroepw għandu tħassib u biża’, mhux biss minħabba l-estremiżmu,imma wkoll minħabba problemi oħra fosthom in-nuqqas ta’ ħolqien tax-xogħol.

Fl-indirizz tiegħu lill-Kungress tal-PPE hu rringrazzja lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil u lill-organizzaturi tal-Kungress, li fissru bħala wieħed organizzat ħafna.

lI-populiżmu mhux imbattibbli – Ministru tal-Finanzi Finlandiż Petteri Orpo

Għadna nemmnu li s-sħubija ta’ pajjiżna saħħet il-preżenza dinjija tagħna. Flimkien, l-Ewropej ikunu iktar. Hemm mistoqsijiet dwar jekk l-UE għadhiex iżżid il-valur għaċ-ċittadini u dan qed iwassal għall-qawmien ta’ popoliżmu perikoluż.

L-Elezzjonijiet fl-Olanda urew li l-populiżmu mhux imbattibbli, iżda għad fadal iktar sfidi din is-sena. Irridu mmorru lura għall-valuri bażiċi – paċi, demokrazija, prosperita’. Aħna l-familja tal-PPE għandha kapaċita’ biex inkabbru l-kejk ekonomiku biex sħabna tax-xellug jiklu iktar.

Flimkien nibqgħu magħqudin. Il-Brexit m’għandhiex tkun l-aġenda tas-27 pajjiż iżda tkompli tindirizza l-isfidi, sigurtà migrazzjoni u prosperita’. Għall-Fillandja, il-koperazzjoni fid-difiża hi ta’ importanza kbira. L-UE tista’ tkun iktar u toħloq il-ġid. Xogħolna hu li dan il-potenzjal insarrfuha f’realta’ għaċ-ċittadini tagħna.

“F’Ruma esperjenzajna s-60 sena mit-trattat ta’ Ruma li ħoloq dibattitu fuq ir-relevanza tal-UE illum”  – Angelino Alfano

Sostna dan il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Italja Angelino Alfano. Qal li tul it-trobbija tieghu hu esperjenza biss il-paċi u llum s-60 sena wara t-trattat ta’ Ruma irridu nkomplu nassiguraw li nżommu l-paċi. Iddeskriva l-UE bħala l-ikbar esperiment politiku li rnexxa. Jekk irridu nkabbru l-futur ma rridux ninsew il-passat. Alfano għamel referenza għall-kriżijiet bħall-immigrazzjoni, t-terroriżmu, il-futur taż- żagħżagħ li rridu nassiguraw. “Aħna rridu nsalvaw lill-Ewropa u rridu nagħtu objettiv ġdid lill-Ewropa, li magħqudin flimkien inkunu siguri biex nimxu ‘l quddiem bil-limitazzjonijiet kollha li nistgħu niltaqgħu magħhom. Alfano semma kif hemm żewg sferi politiċi… Dawk li jridu jsalvaw u jmexxu ‘l quddiem lill-UE, il popolari, il-PPE, u dawk li huma populisti u jridu jħallu l-Ewropa “Aħna tal-PPE m’aħniex populisti, m’ aħniex soċjalisti. Aħna noffru s-soluzzjonijiet biex imexxu l-proġett ewropew ‘il quddiem u ntuh miri ġodda.

“Flimkien aħna iktar b’saħħitna” – Margurs Tsahkna

Margurs Tsahkna, Ministru tad-Difiża uxxenti tal-Gvern tal-Estonja, wissa’ li l-poplu Ewropew qed iħossu dejjem iżjed bogħod mill-politiċi Ewropej, għaliex jixtieq soluzzjonijiet fost l-oħrajn dwar il-problema tas-sigurtà.

“Flimkien aħna iktar b’saħħitna,” qal Tsahkna, li appella lill-politiċi Ewropej li f’dawn iż-żminijiet ta’ taqlib, hemm bżonn kooperazzjoni biex jinbstabu s-soluzzjonijiet għad-diffikultajiet tal-kontinent. Kompla li l-familja tal-EPP, magħquda, flimkien hi kapaċi twassal għal soluzzjonijiet.