Lokali

It-Tempji Ta’ Ħaġrat se jinfetħu għall-pubbliku waqt Festa Frawli

Heritage Malta se tiftaħ it-Tempji Ta’ Ħaġrat għall-pubbliku waqt Festa Frawli li se tkun qegħda ssir fl-Imġarr nhar il-Ħadd 2 ta’ April 2017.

Festa Frawli hija attivitá ta’ ġurnata organizzata mill-Kunsill Lokali tal-Imġarr u li saret tifforma parti integrali mill-kalendarju Malti. B’din l-attivitá jiġi mfakkar il-ftuħ tal-istaġun tal-frawli.

Ta’ Ħaġrat huma żewġ tempji preistoriċi ħdejn xulxin. Is-sit kien skavat bejn l-1923 u l-1926 filwaqt li fl-1953 u fis-sittinijiet saru interventi żgħar oħrajn. L-ikbar struttura tmur lura għall-fażijiet bikrija tal-megalitiku, jiġifieri għall-fażi tal-Ġgantija (3600-3200QK).

Din l-istruttura għandha bieb monumentali u faċċata li joffru karatteristika partikolari lis-sit. Affarijiet oħrajn li jispikkaw huma l-bank tul il-faċċata kollha, u bitħa filwaqt li l-ispazju fid-daħla tat-tempju jagħti aċċess għal tlett ikmamar bid-dħul tagħhom isir minn bieb megalitiku.

Il-bieb ewlieni kien restawrat fl-1937 bil-ġebla orizzontali ġiet mibdula għall-pożizzjoni oriġinali tagħha. Affarijiet taċ-ċeramika nstabu fis-sit u jindika li s-sit kien użat kemm qabel kif ukoll wara li nbnew it-tempji.

Fil-Festa Frawli, Heritage Malta se toffri l-opportunitá lill-pubbliku jesplora Ta’ Ħaġrat, li huwa wirt dinji tal-UNESCO. Id-dħul se jsir bejn id-9.00am u l-4.00pm, bi prezz imraħħas ta’ €3. Matul il-ġurnata se tingħata wkoll spjega bil-gwida għal gruppi ta’ 25 persuna.

L-ewwel spjega se ssir fid-9.30am filwaqt li l-aħħar waħda tkun fis-2.30pm. L-ispjega se ssir bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż, bil-lingwi jalternaw. L-ewwel spjega se ssir bil-Malti. Il-biljetti jistgħu jinxtraw dakinhar mit-Tempji Ta’ Ħaġrat.