Kultura Lokali

It-Tempji Ta’ Ħaġrat se jinfetħu għall-pubbliku waqt Festa Frawli

It-Tempji Megalitiċi - wieħed mit-tliet siti fil-lista tal-UNESCO

Heritage Malta se tiftaħ it-Tempji Ta’ Ħaġrat għall-pubbliku waqt Festa Frawli, li se tkun qed issir fl-Imġarr il-Ħadd li ġej.

Festa Frawli hi attività ta’ ġurnata organizzata mill-Kunsill Lokali tal-Imġarr u li saret tifforma parti integrali mill-kalendarju Malti. B’din l-attività, jiġi mfakkar il-ftuħ tal-istaġun tal-frawli.

Ta’ Ħaġrat huma żewġ Tempji preistoriċi ħdejn xulxin. Is-sit kien skavat bejn l-1923 u l-1926, filwaqt li fl-1953 u fis-snin sittin saru interventi żgħar oħrajn. L-akbar struttura tmur lura għall-fażijiet bikrija tal-megalitiku, jiġifieri għall-fażi tal-Ġgantija (3600-3200qK).

L-istruttura għandha bieb monumentali u faċċata li joffru karatteristika partikolari lis-sit. Affarijiet oħrajn li jispikkaw huma l-bank tul il-faċċata kollha u bitħa, filwaqt li l-ispazju fid-daħla tat-Tempju jagħti aċċess għal tliet kmamar, bid-dħul tagħhom isir minn bieb megalitiku.

Il-bieb ewlieni kien restawrat fl-1937, bil-ġebla orizzontali ġiet mibdula għall-pożizzjoni oriġinali tagħha. Affarijiet taċ-ċeramika nstabu fis-sit u jindikaw li s-sit kien użat qabel u wara li nbnew it-Tempji.

Fil-Festa Frawli, Heritage Malta se toffri l-opportunità lill-pubbliku biex jesplora Ta’ Ħaġrat bejn id-9am u l-4pm, bi prezz imraħħas ta’ €3. Matul il-jum, se tingħata wkoll spjegazzjoni bil-gwida għal gruppi ta’ 25 persuna.

Il-biljetti jistgħu jinxtraw dakinhar mit-Tempji Ta’ Ħaġrat u għal aktar tagħrif, wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku www.heritagemalta.org.