Lokali Qorti

Akkużat b’pussess u importazzjoni tad-droga

Giuseppe Marcucci ta’ 55 sena, ċittadin Taljan, tressaq il-Qorti akkużat b’pussess u importazzjoni tad-droga kannabis u kokaina. Quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, ir-raġel kien mixli mill-Ispettur Jeffrey Scicluna li daħħal erba’ grammi ħaxixa u tliet grammi kokaina f’Malta meta ġie minn titjira minn Milan.

L-Ispettur spjega li nhar l-Erbgħa, il-pulizija tal-għassa tal-Belt Valletta irċeviet rapport li kien hemm resident fil-guest house Asti li kien qed iħammeġ f’boroż u s-sidien issuspettaw li kien taħt l-effett tad-droga. Fil-fatt instabet id-droga msemmija waqt tfittxija. L-Ispettur qal li Marcucci rnexxielu jgħaddi minn tliet kontrolli fl-ajruporti ta’ Milan u Malta.

Hu wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Il-Qorti, wara li qieset il-koperazzjoni tal-akkużat mal-pulizija u l-ammissjoni fi stadju bikri, ikkundannat lil Marcucci iħallas multa’ ta’ €1,500.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jeffrey Scicluna. Għall-ewwel l-akkużat għażel li ma jkunx rappreżentat minn avukat. Eventwalment l-Avukat Edward Gatt, li kien preżenti fl-Awla, aċċetta r-rakkomandazzjoni tal-Qorti biex jidher għall-akkużat