Sport Sport Ieħor

Bormla jirbħu ż-żewġ kategoriji tar-Regatta tal-31 ta’ Marzu

Il-partitarji ta' Bormla jiċċelebraw is-suċċess doppju (Ritratt: Sport Malta)

Bormla huma r-rebbieħa tar-Regatta tal-31 ta’ Marzu wara li ddominaw il-kategorija Open fejn rebħu l-ħames tiġrijiet biex temmew bi 88 punt. Warajhom daħlu Birżebbugia li spiċċaw b’36 punt wara li temmew it-tieni fit-tiġrijiet Dgħajjes A tal-Midalji u t-tiġrija Dgħajjes B tal-Pass.

Marsamxett spiċċaw it-tielet b’20 punt wara li daħlu t-tieni fit-tiġrija tad-Dgħajjes Ċ tal-Pass u t-tielet fid-Dgħajjes B tal-Pass. L-Isla daħlu warajhom wara li spiċċaw it-tieni fit-tiġrijiet tal-Frejgatini u tal-Kajjiki.

Il-Birgu daħlu t-tielet fit-tiġrija tal-Midalji filwaqt li l-Marsa daħlu t-tielet fit-tiġrija tad-Dgħajjes Ċ tal-Pass.

Bormla rebħu wkoll Kategorija B wara li rebħu t-tiġrijiet tad-Dgħajjes Ċ tal-Pass, id-Dgħajjes A tal-Midalji u d-Dgħajjes B tal-Pass filwaqt li spiċċaw fit-tielet post fit-tiġrijiet tal-kajjiki u tal-frejgatini, biex temmew il-kompetizzjoni bi 72 punt.

Fit-tieni post spiċċaw Birżebbugia b’total ta’ 46 punt. Huma rebħu t-tiġrija tal-Kajjiki, ġew it-tieni fl-ewwel tiġrija tad-Dgħajjes Ċ tal-Pass u d-Dgħajjes B tal-Pass, filwaqt li kklassifikaw fit-tiġrija tal-Midalji.

Senglea daħlu fit-tielet post bi 32 punt, wara li rebħu t-tiġrija tal-Frejgatini, filwaqt li spiċċaw it-tieni fit-tiġrijiet tal-Kajjiki u d-Dgħajjes A tal-Midalji. Marsamxett spiċċaw fir-raba’ post b’14-il punt wara li daħlu t-tielet fit-tiġrijiet tad-Dgħajjes Ċ tal-Pass u d-Dgħajjes B tal-Pass. Il-Birgu spiċċaw fil-ħames post wara li spiċċaw it-tielet fit-tiġrija tal-Frejgatini. Il-Kalkara u l-Marsa ma kisbux punti.