Eluf ta’ nies spiċċaw evakwati mill-ibliet ta’ żewġ Stati Awstraljani minħabba l-effetti tax-xita qliel miċ-ċiklun tropikali mlaqqam ‘Debbie’. Sadanittant, l-awtoritajiet irkupraw il-katavru ta’ mara li spiċċat vittma tal-elementi ħorox.
Ċiklun Debbie kien irreġistrat bħala maltempata ta’ kategorija erba’ meta, nhar it-Tlieta, laqat l-inħawi lejn il-Grigal tal-Awstralja. L-impatt tiegħu inħass l-aktar fiz-zona bejn Bowen u Airlie Beach, fl-Istat ta’ Queensland, fejn irriżultaw ħsarat enormi.
Intant, iċ-ċiklun naqas mill-intensità hu u javvanza lejn l-inħawi tax-xlokk għakemm baqa’ jiġġenera xorta l-irwiefen, fost il-ħalbiet tax-xita, u f’sitwazzjoni li affettwat reġjuni u lokalitajiet tul il-kosta tal-Lvant sal-Istat ta’ New South Wales, kif ukoll lejn in-nofsinar ta’ Queensland u Sydney.
L-aħħar rapporti qalu li l-katavru tal-mara ‘li ma dehritx aktar waqt inċidenza ta’ għargħar’ instabet fl-inħawi ta’ Murwillumbah, lejn in-nofsinar mill-fruntiera ta’ Queensland. Sadanittant, l-awtoritajiet huma inkwetati dwar ‘xi residenti neqsin’ f’Lismore, li wkoll ġarrbet impatt qawwi mill-elementi, b’dawn ma jeskludux ‘li setgħu mietu aktar nies fl-għargħar’.
Il-bliet l-oħrajn suġġetti għal direttivi ta’ evakwazzjoni wara l-effett ta’ ‘Debbie’ jinkludu Tweed Heads, Kingscliff u Murwillumbah.
L-aħħar rapporti qalu li l-belt ta’ Gold Coast fi Queensland, li hi popolari ħafna għat-turiżmu, u r-reġjuni tal-madwar ukoll spiċċaw mgħarrqin wara xita fit-tul.
//= $special ?>