Sport Waterpolo

Ħarsa fid-dettall lejn l-ewwel ġurnata tal-kampjonat BOV tax-xitwa

Id-difiża ta' Neptunes tipprova timblokka konklużjoni f'attakk ta' Exiles (Ritratt: Martin Agius)

Bejn ilbieraħ u llum, intemmet l-ewwel ġurnata tal-kampjonat BOV tax-xitwa, bis-sitt timijiet tal-Premier kollha jkunu nvoluti. Fil-partita li ntlagħbet dalgħodu, Neptunes Grimaldi għelbu lil Exiles Jetfreight b’gowl lejn it-tmiem. Ilbieraħ San Ġiljan Tum Invest. għelbu lil Sliema Betsson 9-3 filwaqt li Sirens ASC u Valletta McDonalds spiċċaw fi draw ta’ 4-4.

 

Rebħa drammatika

NEPTUNES WPSC…………….6

EXILES JETFREIGHT……….5

(0-2), (2-1), (3-1), (1-1)

Gowl lejn it-tmiem, kien biżżejjed għal Neptunes biex jiksbu l-ewwel rebħa fil-kampjonat meta għelbu l-isfida ta’ Exiles Jetfreight 6-5. Ir-riżultat hu ftit kiefer ma’ Exiles li lagħbu daqs l-avversarji u għal ħinijiet mill-partita kienu minn fuq ukoll, iżda t-tattika ta’ Maslovar għenet biex wara l-mistrieħ, Neptunes kienu aktar komposti u għalqu l-ispazji aħjar.

Exiles għamlu bidla pożittiva fl-iskwadra tagħhom. Michele Stellini rritorna għal-logħob milgħub fejn lagħab aktar f’pożizzjoni ċentrali, irritorna mat-tim Timmy Sullivan, filwaqt li lagħbu wkoll Sean Xerri de Caro, Benji Lanzon u l-gowlkiper Matthew Castillo li kellu partita tajba. L-iskwadra ta’ Neptunes baqgħet prattikament l-istess għajr ir-ritorn ta’ Sean Gravina u l-gowlkiper ta’ riserva Ian Bugeja.

It-tim ta’ Dorian Pisani fetaħ tajjeb u mar fil-vantaġġ b’gowl kmieni ta’ Timmy Sullivan, biex l-eks tal-logħba Michele Stellini rdoppja l-iskor bl-aħħar xutt tas-sessjoni b’konklużjoni tipika.

Neptunes kienu ftit aħjar fis-sessjoni sussegwenti, iżda Exiles xorta baqgħu jkunu perikolużi, bl-unika difett tagħhom ikun li bdew jonqsu milli jiskorjaw minn pożizzjonijiet ideali. Neptunes irnexxielhom inaqqsu d-distakk permezz ta’ Matias Azzopardi, iżda gowl mill-ġenb ta’ Nicky Paris reġa’ kabbar id-distakk. Il-veteran Niki Lanzon skorja t-tieni gowl ta’ Neptunes minn pożizzjoni ċentrali.

It-tim ta’ Maslovar irnexxielu jmur fil-vantaġġ wara l-mistrieħ hekk kif kien aktar ċiniku quddiem il-lasta b’gowl tajjeb ta’ Miguel Zammit, penalty ta’ Niki Lanzon u xutt tajjeb ta’ Sean Gravina. Għal Exiles kien għamel l-iskor 4-3 favurihom lob sabiħ ta’ Sean Xerri de Caro.

Timmy Sullivan reġa’ għamel l-iskor indaqs fil-bidu tal-aħħar sessjoni, b’Exiles jagħfsu aktar biex jiskorjaw il-gowl tar-rebħa. Ida kienu Neptunes li tbissmu l-aħħar hekk kif b’1.7 sekonda mit-tmiem, iż-żagħżugħ promettenti Miguel Zammit skorja l-gowl tar-rebħa b’konklużjoni mix-xellug li ġiet imexellfa fix-xibka.

Neptunes: A. Borg Cole, N. Lanzon (2), L. Calleja, K. Erdogan, T. Agius, M. Tabone, S. Gravina (1), J. Culic, J. Abela, M. Zammit (2), M. Martellacci, M. Azzopardi (1), I. Bugeja

Exiles: M. Castillo, J. Rizzo Naudi, J. Bajada, M. Stellini (1), T. Sullivan (1), S. Xerri de Caro (1), D. Borg Millo, K. Griscti, N. Paris, A. Bianchi, B. Lanzon, L. Felice, S. Galea Pace

Referees: Alex De Raffaele, Ronnie Spiteri

 

Jispikka Dino Zammit

SLIEMA BETSSON……….3

SAN ĠILJAN TUM INV….9

(1-2), (0-2), (0-3), (2-2)

Dikjarazzjoni ċara minn San Ġiljan hekk kif fetħu l-kampjonat tax-xitwa b’rebħa meritata ta’ 9-3 fuq Sliema Betsson. Wirja tajba mit-tim ta’ Marko Orlovic li ddomina l-partita minn kmieni u ftit taw ċans lill-avversarji biex jgħidu tagħhom fil-logħba. Pressjoni tajba mill-Ġiljaniżi li ġiet riflessa f’wirja kollettiva, li biha minkejja li għadu kmieni fil-logħba, diġà qed juru s-saħħa li għandhom biex ikunu fost il-protagonisti din is-sena.

Ftit bidliet miż-żewġ timijiet mis-sena l-oħra. Għal San Ġiljan kellu debutt feliċi l-gowlkiper żagħżugħ Jake Tanti, filwaqt li rritornaw mal-klabb wara l-esperjenza fis-Serbja Andreas Galea, Ben Plumpton u Dino Zammit, b’tal-aħħar jispikka b’ħames gowls u logħob mill-isbaħ. Għas-Slimiżi għamel id-debutt il-kowċ Bogdan Rath, u x-xellugi Zach Mizzi.

Sliema kienu biss mal-avversarji fl-ewwel sessjoni hekk bdew jagħlqu tajjeb minkejja li xorta tilfu s-sessjoni. Matthew Zammit kien fetaħ l-iskor b’gowl mill-viċin, b’Jerome Gabarretta jġib id-draw. Iżda Aurelien Cousin skorja t-tieni gowl minn pożizzjoni tajba.

San Ġiljan bdew jieħu r-riedni tal-logħba f’idejhom, bdew jiddefendu tajjeb u jattakkaw lill-avversarju b’mod organizzat. Dan wassal biex daħlu jistrieħu b’vantaġġ tajjeb ta’ 4-1 wara gowls minn Peter Borg u Dino Zammit. Wara l-mistrieħ, kienet mistennija reazzjoni minn Sliema li iżda ma waslitx, hekk kif San Ġiljan komplew jiddettaw il-logħba, b’Sliema jidhru fraġli biex jirrispondu għal kull gowl Ġiljaniż, bit-tim ta’ Orlovic jiskorja tliet gowls minn Darren Zammit u doppjetta ta’ Dino Zammit.

B’distakk ta’ sitt gowls, il-partita kienet mirbuħa u mitmuma. Dan wassal biex San Ġiljan taw ftit aktar spazju milli bdew jagħtu aktar qabel fil-logħba, bl-aħħar sessjoni tintemm fi draw b’żewġ doppjetti kull naħa ta’ Michael Spiteri Staines u Dino Zammit.

Sliema: R. Coleiro, J. Gabarretta (1), E. Aquilina, C. Cluett, M. Meli, K. Dowling, M. Spiteri Staines (2), M. Mifsud, A. Mifsud, A. Attard, Z. Mizzi, N. Bugelli, Z. Sciberras

San Ġiljan: J. Tanti, P. Borg (1), A. Galea, B. Grech, D. Zammit (1), M. Zammit (1), B. Plumpton, J. Galea, T. Said, A. Cousin (1), P. Fava, D. Zammit (5), T. Micallef

Referees: Mario Dalli, Peter Balzan

 

Draw ġust

SIRENS ASC……………….4

VALLETTA MCD…………..4

(1-1), (1-2), (2-0), (0-1)

Fl-ewwel ġurnata tal-kampjonat seħħ ukoll l-ewwel draw hekk kif Sirens u Valletta McDonalds spiċċaw fi draw ta’ 4-4. Draw ġust f’partita fejn l-ebda tim ma kien superjuri filwaqt li t-tnejn kellhom il-mumenti tagħhom, f’partita li ma kinitx medjokri.

Għal Sirens għamel id-debutt, l-eks plejer ta’ Sliema John Brownrigg filwaqt li għamel ir-ritorn mal-klabb Clint Mercieca, l-istess bħal Sergio Afric li reġa’ rritorna ma’ Sirens wara numru ta’ snin kif ukoll, irritorna f’Malta wara li fl-aħħar snin kien qed jikkowċja fil-Perù.

Numru ta’ bidliet għal Valletta. Mark Fenech, Michele Agius, David Fenech u Keith Galea kollha għamlu d-debutt filwaqt li l-gowlkiper ta’ riserva Fredrick Buhagiar kien inkluż fl-iskwadra.

Valletta kienu aħjar fl-ewwel parti tal-logħba hekk sal-ewwel żewġ sessjonijiet qatt ma kienu minn taħt, b’John Napier u John Brownrigg iwieġbu għaż-żewġ gowls ta’ Valletta skorjati minn Andrea Agius u James Spiteri Staines.

Sirens irnexxielhom idawru l-iskor fit-tielet sessjoni b’gowls minn Luke Caruana u Marc Grech, iżda l-Beltin żbilanċjaw ftit u rnexxielhom jiskorjaw fl-aħħar sessjoni permezz ta’ Andrea Agius, bil-gowlkiper ta’ Sirens Nicky Grixti jsalva l-aħħar attakk tal-logħba.

Sirens: N. Grixti, M. Sciberras, N. Farrugia, J. Sciberras, M. Grech (1), J. Zerafa Gregory, M. Pullicino, D. Cutajar, J. Napier (1), J. Brownrigg (1), L. Caruana (1), O. Gauci, C. Mercieca

Valletta: R. Sciortino, J. Spiteri Staines (1), A. Agius (2), M. Rizzo, M. Fenech, R. Mock (1), D. Paolella, N. Bonello Ghio, M. Agius, D. Fenech, K. Galea, O. Zammit, F. Buhagiar

Referees: Massimo Angileri, Stefan Licari