Internazzjonali

Il-Belġju: Midruba waqt irvellijiet qrib l-Ambaxxata Torka fi Brussell

Numru ta’ persuni weġġgħu gravi waqt irvell li żbroffa fi Brussell bejn il-gruppi favur u kontra l-Gvern tat-Turkija. L-inċident quddiem l-Ambaxxata Torka seħħ meta l-Istati Ewropej kienu qed iwissu dwar it-tensjoni li qed testendi ’il hinn mit-Turkija li, bħalissa, qed tħejji għal referendum delikat li mistenni jżid l-effetti tal-polarizzazzjoni fost il-poplu.

Intant, il-Prim Ministru tal-Belġju, Charles Michel ikkundanna l-ġlied, f’pajjiżu, bejn is-sostenituri u l-avversarji tal-President Tork, Recep Tayyip Erodgan. Michel anki qed jorbot l-inċidenti fi Brussell mar-referendum li jmiss fit-Turkija li jiddeċiedi jekk jiżdidux drastikament il-poteri għall-Presidenza Torka.

‘Il-Gvern Belġjan mhux se jittollera dawn it-tip ta’ inċidenti f’artu li jirriżultaw mis-sentimenti dwar ir-referendum tat-Turkija’, kompla Michel. Dan meta r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u Ankara, illum, ukoll qed jidhru karatterizzati mit-tensjoni.

Iċ-ċittadini Torok residenti f’sitt pajjiżi Ewropej għandhom sad-9 ta’ April biex jivvutaw fir-referendum. Il-vot proprju, fit-Turkija, li jiddeċiedi l-estensjoni potenzjali tal-poteri għal Erdogan isir fis-16 tax-xahar.