Internazzjonali

Il-ġlieda kontra l-kriminali u trasport tad-demm u l-organi … b’Lamborghini!

Il-Pulizija tal-Istat f’Bologna, l-Italja, irċivew rigal pjuttost prezzjuż – biex jiġġieldu l-kriminalità u biex jassistu fit-trasport urġenti tad-demm u l-organi se jkunu jistgħu jagħmlu użu minn Lamborghini Huracán Polizia.

Il-Huracán Polizia tlaħħaq saħħa ta’ 610 horsepower, hi vettura all-wheel drive, b’chassis magħmula mill-aluminium u carbon fiber kif ukoll magna V10 li jagħmluha effiċenti u perfetta għal ħidma kontra l-kriminalità fuq il-highways.

Fuq ġewwa, il-vettura hi mgħammra b’tablet u kompjuter, apparat għall-iffilmjar waqt is-sewqan, firextinguisher u defibrillator li kapaċi jsalvaw lill-vittmi.

Bl-għan li tkun tista’ tintuża għat-trasport tal-organi, il-vettura fiha wkoll sistemà speċjali ta’ rifriġerazzjoni biex ma ssirx ħsara lill-organi sakemm jitwasslu fid-destinazzjoni tagħhom.

Din hi t-tieni Huracán Polizia użata fis-servizz fl-Italja wara l-għotja ta’ vettura identika lill-Pulizija ta’ Ruma.