Diplomatiku ewlieni wissa li, fil-preżent, hemm ‘il fuq minn miljun immigrant fil-Libja li jittamaw li jaqsmu ‘mingħajr xkiel’ lejn l-Ewropa.
Skont id-diplomatiku – Joseph Walker-Cousins, li kien imexxi l-Uffiċċju tal-Ambaxxata Britannika f’Benghazi – ir-refuġjati qegħdin jinġemgħu ‘bl-eluf’ fl-artijiet Libjani wara li jkun irnexxielhom jaħarbu minn sitwazzjonijiet ta’ konflitt u faqar.
Illum, it-traffikanti tal-bnedmin qegħdin idaħħlu il-‘biljuni tal-ewro’ biex jorganizzaw il-vjaġġi – bid-dinghies u dgħajjes vulnerabbli – għall-immigranti li jridu jaqsmu l-Mediterran (mil-Libja) għall-Ewropa.
Sadanittant, Walker-Cousins ikkritika bil-qawwi lill-missjoni navali tal-Unjoni Ewropea bil-għan li jonqsu l-ammonti tal-immigranti li jivvjaġġaw mill-Mediterran, flimkien maċ-ċifri tal-imwiet allarmanti fuq il-baħar.
Hu qal li n-nuqqas ta’ Gvern effettiv fil-Libja wassal, fost oħrajn, għall-kroll tas-sistemi għall-kontroll tal-fruntieri, li jfisser li l-immigranti minn madwar l-Afrika qed ‘jiffullaw’ l-artijiet tal-kosta Libjana bħala parti minn tentattiv iddisprat biex jilħqu l-Ewropa.
Walker-Cousins kompla li Operation Sophia – intiż biex jikkontrolla l-moviment tal-immigranti mil-Libja u l-ġirien tagħha lejn l-Italja – ‘qiegħed jinċentiva l-falliment’, bir-riżultati, fost oħrajn, jinkludu l-ammonti ta’ mejtin li qed jegħrqu fil-Mediterran.
Hu ressaq ukoll l-argument li ċ-ċirkustanzi qegħdin jinkoraġġixxu lill-gruppi kriminali ‘biex ipoġġu lir-refuġjati vulnerabbli fuq opri tal-baħar fraġli u ffullati bil-ħsieb li l-bastimenti tal-Unjoni Ewropea jmorru jagħtu l-għajnuna lill-immigranti li jinqalbulhom id-dgħajjes’.
L-analiżi ta’ Walker-Cousins iżżid l-inkwiet li tiggrava l-akbar kriżi tal-immigranti li ilha tifni lill-Ewropa mit-Tieni Gwerra Dinjija ‘il hawn.
//= $special ?>