L-Unjoni Ewropea fasslet l-istrateġija tagħha għall-Brexit, fejn issuġġeriet li jistgħu jibdew it-taħditiet kummerċjali ma’ Londra ladarba jkun hemm ‘biżżejjed progress’ dwar il-ftehim għas-separazzjoni mar-Renju Unit.
L-abbozz tal-linji gwida li ħabbar, f’Malta, il-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, jirreferi għal ‘proċess gradwali’ u se jintbagħat lis-27 Stati-membri għal approvazzjoni. L-istess linji gwida, imbagħad, iridu jipprovdu l-bażi għal sentejn negozjati dwar il-Brexit bejn Londra u Brussell.
Ir-Renju Unit, f’nofs il-ġimgħa, attiva formalment il-proċess tal-Brexit wara li sejjaħ għal taħditiet simultanji rigward il-kundizzjonijiet tal-ħruġ u r-rabtiet kummerċjali futuri ta’ Londra mal-Unjoni.
Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, u Donald Tusk, issa, għandhom jiltaqgħu f’Londra qabel summit tal-UE dwar il-Brexit li se jsir fid-29 ta’ April mingħajr il-preżenza ta’ May.
Intant, Donald Tusk qal li mgħandux ikun hemm sensiela ta’ taħditiet separati dwar l-issues kollha ‘fl-istess żmien’ bħalma kienu proponew uħud, f’Londra. ‘Hu biss ladarba nattwaw il-progress suffiċjenti fil-proċess tal-ħruġ (tar-Renju Unit mill-UE) li nistgħu niddiskutu l-qafas tar-relazzjoni futura ( bejn Londra u Brussell)’, sostna Tusk.
Il-President tal-Kunsill Ewropew qed jistenna taħditiet diffiċli u kumplikati iżda għamilha ċara wkoll li ‘l-UE mhix se tinsisti bit-tattiċi punittivi’ fil-konfront tar-Renju Unit.
Sadanittant, Federica Mogherini, li qed tmexxi l-affarijiet barranin tal-UE, issuġġeriet, fi Brussell, li l-Unjoni tista’ tieħu ħsieb l-affarijiet tad-difiża ‘mingħajr il-kontribut tar-Renju Unit’.
Dan wara li l-ittra li preżentat May biex tattiva Artiklu 50 (għall-Brexit) tat-Trattat ta’ Lisbona kienet interpretata minn uħud bħala ‘theddida’ minn Londra biex tirtira l-kooperazzjoni mal-UE rigward issues ta’ sigurtà.
//= $special ?>