Lokali Qorti

Il-vittma instema’ jgħid il-kelma “vojt” qabel intilef minn sensieh – Il-Prosekuzzjoni

Il-vittma Roderick Grech

Etienne Bartolo ta’ 36 sena minn Birkirkara magħruf bħala “il-vojt”  tressaq il-Qorti akkużat li nhar l-Erbgħa ta daqqiet ta’ mus lil Roderick Grech ta’ 26 sena magħruf bħala “iċ-China” wara argument li seħħ fi Triq Tumas Fenech f’Birkirkara għall-ħabta tas-1.30a.m. Grech sofra ġrieħi gravi fl-argument, liema ġrieħi wasslu għall-mewt. Il-Prosekuzzjoni qed tixli lil Bartolo bi qtil volontarju

L-Ispettur Zahra spjega li meta marru fuq il-post, il-vittma qabel intilef minn sensieh kien hemm persuna li kienet qed tipprova ttih l-ewwel għajnuna u Grech semgħa jgħid il-kelma “vojt”. Fl-istqarrija tiegħu, Bartolo ikkonferma li kien iltaqa’ mal-vittma fil-ħin li seħħ l-inċident. Huma ltaqgħu sabiex l-akkużat jixtri d-droga, qal li ma kellux flus u qallu li jħallsu l-għada. L-Argument iddeġenera u l-irġiel ġew fl-idejn bil-konsegwenza li l-imputat ta diversi daqqiet ta’ mus lill-vittma li ħarab mill-post.

Grech kien dam jumejn jissielet għal ħajtu fit-taqsima għall-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei iżda kmieni dalgħodu il-Pulizija ħarġet stqarrija fejn ħabbret li Grech miet kaġun tal-ġrieħi li ġarrab.

Quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, l-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. L-Avukat Edward Gatt qal li mhux qed jintalab il-ħelsien mill-arrest. Hu qal li l-klijent tiegħu għandu kondotta relattivament nadifa filwaqt li l-vittma hi magħrufa mal-Pulizija li tittraffika d-droga f’Birkirkara.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Kurt Zahra filwaqt li l-Avukat Edward Gatt assista lill-akkużat. L-Avukati Franco Debono u Yanika Vidal qed jidhru għall-familja tal-vittma