Lokali

Jitħabbru il-linji gwida għan-negozjati dwar Brexit: L-UE tinsisti fuq erba’ “prinċipji fundamentali”

Is-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea se jkunu qed jagħfsu fuq erba' prinċipji fundamentali fin-negozjati mar-Renju Unit. Mhux se jibdew diskussjonijiet fuq affarijiet oħra, bħar-relazzjoni kummerċjali bejn l-UE u r-Renju Unit qabel ma jkun irreġistrat "progress sodisfaċenti" fuq dawn il-punti kruċjali u se jkunu s-27 Stat Membru li se jiddeċiedu jekk dan il-"progress sodisfaċenti" inlaħaqx.

Is-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea se jkunu qed jagħfsu fuq erba’ prinċipji fundamentali fin-negozjati mar-Renju Unit. Mhux se jibdew diskussjonijiet fuq affarijiet oħra, bħar-relazzjoni kummerċjali bejn l-UE u r-Renju Unit qabel ma jkun irreġistrat “progress sodisfaċenti” fuq dawn il-punti kruċjali u se jkunu s-27 Stat Membru li se jiddeċiedu jekk dan il-“progress sodisfaċenti” intlaħaqx.

Sostna dan il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk waqt konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Prim Ministru Malti Joseph Muscat fil-Berġa ta’ Kastilja fejn ingħata tagħrif dwar il-linji gwida fin-negozjati li jwasslu għal Brexit. Dawn il-punti, intiżi biex jitnaqqas it-tħarbit u l-inċertezza  huma:

  1. L-Ewwel in-nies: ħarsien sħiħ tad-drittijiet taċ-ċittadini mingħajr ebda diskriminazzjoni
  2. Li jkun indirizzat il-vojt (vacuum) legali għall-kumpaniji u n-negozji
  3. Li r-Renju Unit jonora l-impenji finanzjarji tiegħu sakemm joħroġ mill-UE fil-konfront tal-familji, tal-bdiewa, sajjieda u ħaddiema oħra. Tusk tenna li min-naħa tagħha, l-UE qed tiggarantixxi li tonora l-obbligazzjonijiet tagħha.
  4. Li jkun hemm soluzzjoni flessibbli sabiex ikun evitat dak li qed jissejjaħ bħala hard border, fruntiera formali, bejn ir-Repubblika tal-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq.

Tusk qal li t-taħdidiet se jkunu diffiċli, kumplessi u f’xi waqtiet, anki konfrontazzjonali. L-Unjoni Ewropea mhux qed tersaq lejn dawn in-negozjati b’mod punittiv. Il-proċess ta’ Brexit hu kastig minnu nnifsu. Saħaq li l-UE trid iżżomm l-aħjar relazzjonijiet possibbli u koperazzjoni sħiħa f’oqsma bħas-sigurta’.

Il-President tal-Kunsill Ewropew mistenni jiltaqa’ mal-Prim Ministru Ingliż Theresa May qabel is-summit tad-29 ta’ April

Min-naħa tiegħu il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li dawn in-negozjati mistennija jkunu iebsin iżda m’humiex gwerra. Hu qal li s-27 Stat Membru jibqgħu iżommu kuntatti bilaterali mar-Renju Unit iżda fejn jidħlu in-negozjati marbuta mal-ħruġ tar-Renju Unit, il-punt ta’ riferenza għas-27 pajjiż hu l-Kap Negozjatur Michel Barnier.