Internazzjonali

L-eks President tal-Korea t’Isfel miżmuma taħt arrest

Mandatory Credit: Photo by CHUNG SUNG-JU/POOL/EPA/REX/Shutterstock (8559749a) Park Geun-hye Ousted South Korean president Park Geun-hye arrested, Seoul, Korea - 31 Mar 2017 Ousted South Korean president Park Geun-hye (C), leaves the prosecutors' office as she is transferred to a detention house in Seoul, South Korea, 31 March 2017. The Seoul Central District Court on 30 March 2017 to issue an arrest warrant for the ousted South Korean president Park Geun-hye. Park was questioned on a total of 13 charges that include bribery and abuse of power, in a case that has divided the nation and led to her impeachment earlier this month.

L-eks-President tal-Korea t’Isfel, Park Geun-hye, spiċċat magħluqa f’ċentru tad-detenzjoni fil-belt ta’ Uiwang, ftit sigħat wara li qorti għolja f’Seoul kienet approvatilha l-arrest.

Park, qabel, kienet għaddiet minn disa’ sigħat ta’ interrogazzjoni, bil-qorti distrettwali ċentrali ta’ Seoul tapprova t-talba tal-prosekuturi biex hi tinżamm taħt arrest minħabba l-biża’ li hi setgħet teqred xi provi dwar il-korruzzjoni.

Ir-rapporti qalu li Park qed tiffaċċja 20 jum priġunerija waqt li l-pulizija tinvestiga allegazzjonijiet dwar aġir korrott min-naħa tal-eks- President.

F’din is-sitwazzjoni, il-prosekuturi Koreani jistgħu jżommu lil Park Geun-hye taħt arrest għal 20 jum qabel jippreżentawlha akkużi formali. L-akkużi potenzjali, intant, jistgħu jkunu dwar ‘rikatt’, ‘abbuż ta’ poter’ u ‘ċirkulazzjoni ta’ sigrieti tal-Istat’.

Il-prosekuturi kienu sottomettew mal-120,000 paġna ta’ dokumenti li jirrelataw għall-każ waqt li sostnew li ‘huma kienu se jmorru kontra l-prinċipji tal-ġustizzja’ li kieku ma żammewx lill-eks- President taħt arrest. Huma spjegaw ukoll li Park qed tiċħad għall-parti kbira tal-akkużi ‘u li kien hemm is-sogru li hi tagħmel minn kollox biex teqred xi provi li jistgħu jintużaw kontra tagħha’.

Park Geun-hye kienet l-ewwel mara li laħqet President tal-Korea t’Isfel. Intant, hi, f’Diċembru, għaddiet minn proċess ta’ impeachment mill-Assemblea Nazzjonali fost akkużi li hi ‘ikkollaborat’ ma’ ħabiba tagħha f’sitwazzjoni fejn il-kumpaniji kbar fil-Korea t’Isfel kienu kostretti joħorġu l-flus taħt sistema ta’ rikatt.

Akkuża oħra kontra Park hi li hi ippermettiet lill-ħabiba tagħha, Choi Soon Sil, biex tindaħal fl-affarijiet tal-Istat.