Sport Sport Ieħor

Riżultati pożittivi għat-Ten Pin Bowling fil-Kampjonat tal-Mediterran

L-atleti Maltin li sa issa kisbu riżultati pożittivi fis-Slovenja

Tkompli s-serje ta’ suċċessi internazzjonali għall-Assoċjazzjoni Maltija tat-Ten Pin Bowling. Il-koppja Maltija Sue Abela u Sara Xuereb rebħu l-midalja tad-deheb fit-timijiet tan-nisa, fl-20 edizzjoni tal-kampjonat tal-Mediterran li qed isiru f’Lublijana fis-Slovenja.

Il-koppja Maltija kisbu total ta’ 2330 punt u spiċċaw qabel Alexandra Lopes D’Andrade ta’ Franza b’2232 punt u Sara Giusti u Simona Pia Maria Fasol tal-Italja li spiċċaw it-tielet b’2229 punt.

Fil-mixed doubles, Mark Spiteri u Sara Xuereb kienu pass bogħod minn rebħa ta’ midalja, iżda spiċċaw fir-raba’ post. Daqstant ieħor riżultat pożittiv fid-doubles tal-irġiel permezz ta’ Mark Spiteri u Justin Caruana Scicluna li spiċċaw fil-ħames post wara li kienu biss 15 u 9 pins rispettivament bogħod mill-ewwel tlieta.

Bħal ma għamlet f’kull edizzjoni ta’ dawn il-kampjonat, Sue Abela spiċċat fuq il-podju bir-rebħ tal-midalja tad-deheb. Sue Abela spiċċat b’total ta’ 1291 punt qabel Lidia Serrano ta’ Spanja li spiċċat b’1215 punt, filwaqt li Alexandra Lopes D’Andrade ta’ Franza spiċċat b’1137 punt. Fil-klassifika, Sara Xuereb spiċċat fl-10 post minn 15-il kompetitriċi. L-20 edizzjoni tal-Kampjonat tal-Mediterran tintemm għada.