Il-knisja tad-Dumnikani fir-Rabat din is-sena se tkun qed iżżanżan mill-ġdid sepulkru antik ta’ Ħamis ix-Xirka wara nuqqas ta’ 35 sena.
Is-sepulkru, mibni minn Giuseppe Decelis fl-1872, kien baqa’ jintrama sas-snin sittin. Wara waqfa qasira, reġa’ ntrama fl-1982, iżda sfortunatament dik kellha tkun l-aħħar sena li s-sepulkru ntrama għat-tgawdija tar-Rabtin. Dik is-sena, ntrefa’ fuq ir-raffijiet tal-kunvent, fejn għajr il-kapsula tal-Ewkaristija li baqgħat tintrama kull sena, baqa’ jistkenn għal 35 sħaħ.
Mas-snin, is-sepulkru ntesa’ u tgħatta b’qoxra trab. Kien biss erba’ snin ilu, wara aktar minn tletin sena merfugħ fid-dlam, meta f’moħħ Patri Joseph Zahra bdiet tberren l-idea li s-sepulkru jerġa’ jingħata l-ġieħ li jistħoqqlu.
Ma’ NET News, Patri Zahra qal li l-idea żviluppat meta bdew isiru pjanijiet biex waħda mis-swali vojta fil-kunvent issir mużew. “Dan patrimonju” qalilna Patri Zahra, li żied jispjega li minħabba l-kobor tas-sepulkru, mhuwiex possibbli li jintrama kollu kemm hu fil-mużew li hemm pjanat.
“Għaldaqstant iddeċidejna li parti minnu narmawh fil-mużew li se jkollna, u l-parti l-oħra narmawh fil-Knisja għall-Ħamis ix-Xirka” spjegalna Patri Zahra. Bil-għajnuna ta’ grupp ta’ ħbieb, Patri Zahra rnexxielu jnaddaf is-sepulkru, maqsum f’għexieren ta’ biċċiet. Wara 35 sena, is-sepulkru tal-injam baqa fi stat tajjeb ta’ preservazzjoni, tant li ma kienx hemm bżonn irtokki jew restawr meta ġie biex jerġa’ jitpoġġa flimkien.
Mistoqsi għaliex is-sepulkru mhux se jintrama kollu, Patri Joseph Zahra qal li s-sepulkru huwa kbir wisq biex jintrama kollu. “Jekk ikollna narmawh kollu, jkollna nneħħu għaxar bankijiet fejn ipoġġu n-nies” qalilna Patri Zahra. “Veru li dan patrimonju, imma li n-nies ikunu jistgħu jiġu għal-liturġija huwa aktar importanti” temm jgħid Patri Zahra.
Sadanittant, bl-għajnuna tal-ħbieb ta’ Patri Zahra, ix-xogħol fuq l-armar tas-sepulkru għaddej ġmielu biex fil-Ġimgħa Mqaddsa jkun jista’ jitgawda minn kull min iżur il-knisja tad-Dumnikani fir-Rabat.
//= $special ?>