It-tim nazzjonali Malti tan-nisa se jkun impnejat f’mini-tournament bejn is-6 u l-11 ta’ April li ġei. Il-partiti f’dan it-turnament se jkunu validi għar-rawnd ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja u fihom il-Maltin se jilagħbu kontra l-Greċja, l-Albanija u l-Kosovo.
Għal dawn tal-aħħar din se tkun l-ewwel darba li se jkunu qed jilagħbu f’din il-fażi ta’ turnament maġġuri.
Il-maġġoranza tal-plejers se jkunu ġejjin mit-tim ta’ Birkirkara li matul il-ġimgħa li għaddiet rebaħ il-kampjonat domestiku. Jispikkaw ukoll diversi plejers ta’ Hibs, tim li temm fit-tieni post fl-istess kampjonat.
Nhar il-Ħamis li ġej, fis-2pm Malta tibda l-impenji tagħha bil-logħba kontra l-Greċja u s-Sibt it-tim ta’ Mark Gatt jilgħab kontra l-Albanija, wkoll fis-2pm. L-aħħar konfront se jintlagħab fis-2pm fil-11 ta’ April kontra l-Kosovo.
Ta’ min jiftakar li biex il-Maltin iħejju għal dawn il-partiti xahar ilu ħadu sehem fl-Aphrodite Cup u spiċċaw fir-raba’ post. Barra minn hekk, aktar kmieni din is-sena l-Maltin lagħbu żewġ partiti ta’ ħbiberija kontra l-Lussembrugu, fejn fl-ewwel waħda tilfu 3-0 u fit-tieni waħda rebħu 1-0.
Fl-2013 it-tim Malti kien mar ferjm tajjeb f’dan ir-rawnd u kien saħanistra avanza għall-fażi li jmiss.
L-iskwadra hi din:
Gowlkipers: Rachelle Borg (Mgarr United); Janice Xuereb (Birkirkara).
Difensuri: Rebecca Bajada (Hibernians); Stephania Farrugia (Birkirkara); Jade Flask (Hibernians); Alishia Sultana (Birkirkara); Ann-Marie Said (Birkirkara); Gabriella Zahra (Birkirkara); Charlene Zammit (Hibernians).
Midfielders: Emma Xuereb (Hibernians); Kim Parnis (Birkirkara); Dorianne Theuma (Hibernians); Shona Zammit (Hibernians); Rachel Cuschieri (Apollon Ladies).
Attakkanti: Ylenia Carabott (Hibernians); Raina Giusti (Birkirkara); Kelly Agius Pace (Birkirkara); Martina Borg (Hibernians).