Lokali

INDĦIL F’KAŻ TA’ DROGA: Liema Ministri għandhom aċċess għall-Ministeru ta’ Għawdex? Ara x’wieġeb Chris Cardona

Jaqbżulu erba' kelmiet li jistgħu jindikaw li Chris Cardona jista' jkun jaf min huma l-Ministri li għandhom aċċess għall-Ministeru ta' Għawdex

Il-Ministru Chris Cardona ħarbulu erba’ kelmiet li jindikaw li jista’ jkun jaf min għandu aċċess għall-Ministeru ta’ Għawdex apparti l-Ministru Anton Refalo, meta f’kummenti lil NET News waqt konferenza tal-aħbarijiet qal: “M’għidtx li ma nafx”.

Id-Deputat Mexxej Laburista kien mistoqsi dwar il-każ tal-indħil ta’ żewġ politiċi tal-Gvern f’każ ta’ traffikar ta’ droga f’Għawdex, b’NET News jistaqsi lil Chris Cardona jekk jafx min għandu aċċess għall-Ministeru ta’ Għawdex apparti l-Ministru ta’ Għawdex Anton Refalo. Dan peress li ġie rrappurtat li l-laqgħa sigrieta li wasslet għall-indħil saret fil-Ministeru ta’ Għawdex. Skont dak rappurtat, wieħed mill-Ministri tal-Gvern involuti f’dan il-każ, wasal il-Ministeru ta’ Għawdex fis-satra tal-lejl eskortat mill-Pulizija.

Għall-ewwel, Chris Cardona rrifjuta li jirrispondi l-mistoqsija ta’ NET News. “Ġib ftit rispett lil sħabek biex jistaqsu” beda jgħid Chris Cardona, b’referenza għall-ġurnalisti l-oħra preżenti. Fuq il-post, NET News interpreta din it-tweġiba ta’ Chris Cardona bħala stqarrija li ma jafx min għandu aċċess għall-Ministeru ta’ Għawdex. Madanakollu, Chris Cardona kien pront u rrisponda: “M’għidtx li ma nafx”, f’indikazzjoni li Cardona jista’ jkun jaf liema Ministri għandhom aċċess għall-Ministeru ta’ Għawdex apparti Anton Refalo.

“M’għidtx li ma nafx” – Chris Cardona

Ftit qabel, NET News staqsa lid-Deputat Mexxej Laburista jekk indagax fil-każ ta’ traffikar ta’ droga, u dan peress li l-inkjesta li għaddejja ma tnaqqasx mir-responsabiltà ta’ Chris Cardona li jidħol fil-każ peress li hu Deputat Mexxej tal-Partit Laburista responsabbli mill-affarijiet tal-Partit. Imma Chris Cardona qal li ma ħassx il-ħtieġa li jidħol fil-każ, peress li skont hu, il-Partit Laburista mhuwiex investigatur.

L-indħil minn żewġ politiċi tal-Gvern fil-każ ta’ traffikar ta’ droga f’Għawdex kien jinvolvi laqgħa sigrieta bejn żewġ Ministri tal-Gvern u l-missirjiet ta’ żgħażagħ li kienu nqbadu mill-Pulizija fuq traffikar ta’ droga. Il-laqgħa sigrieta kienet wasslet biex inbidel l-istatement taż-żgħażagħ involuti. Meta seħħ il-każ, Anton Refalo kien Ministru għal Għawdex u Manwel Mallia kien Ministru responsabbli mill-Pulizija.