Lokali

FILMAT: Ir-rabja fil-PL tkompli tikber: Anke Lovin Malta rreġistraw bħala partit qabel il-Partit Laburista

 

Bosta persuni fi ħdan il-Partit Laburista dalgħodu tkellmu ma’ netnews.com.mt u esprimew ir-rabja tagħhom għall-fatt li l-Partit Laburista għadu sa issa ma rreġistrax bħala partit politiku. Fil-fatt, il-Partit Laburista qed jikser il-liġi tal-Finanzjament tal-Partiti billi, fost l-oħrajn, ma rreġistrax bħala partit politiku skont kif tiprovdi l-liġi. Il-Partit Laburista hu l-uniku partit politiku li ma rreġistrax, tant li l-partiti l-oħra kollha, jiġifieri l-Partit Nazzjonalista, l-Alternattiva Demokratika, l-Partit Demokratiku u l-Patrijotti Maltin, kollha rreġistraw skont il-liġi.

Fl-aħħar ġimgħat, kien hemm rabja fost esponenti Laburisti, b’mod partikolari dawk li ilhom jappoġġjaw lill-Partit Laburista għal għexieren ta’ snin, għall-fatt li l-partit li tant iħobbu qed jikser il-liġi billi ma jirreġistrawx. “Mhux biss m’għandniex moviment, iżda issa lanqas partit,” qalilna Bormliż li ilu jappoġġja lill-Partit Laburista minn żmien Mintoff.

Issa, dalgħodu, kienu bosta li reġgħu tkellmu ma’ netnews.com.mt u esprimew ir-rabja kbira tagħhom, li anke Lovin Malta rreġista bħala partit politiku, u l-Partit Laburista għadu mhux irreġistrat bħala partit politiku.

F’kummenti ma’ netnews.com.mt, il-Fundatur u l-Kap Eżekuttiv ta’ Lovin Malta Chris Peregin, qal li wara s-suċċess tas-sit lovinmalta.com, il-ħsieb beda biex is-sit, minn post fejn wieħed jara l-aħbarijiet, jinbidel għal partit politiku li tassew jista’ jbiddel l-affarijiet. Hu qal li ilhom jaħdmu fuq dan il-proġett numru ta’ ġimgħat tant li llum ħabbru anke programm elettorali.