Lokali

L-Ewropa tiġri wara Keith Schembri: tridu jmur jixhed f’Strasburgu

Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru
Il-Parlament Ewropew jibgħat ittra lil Joseph Muscat biex iġiegħel lil Keith Schembri jmur jixhed

L-Unjoni Ewropea għadha qed tiġri wara ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, biex jitla’ jixhed quddiem il-Kumitat PANA fi ħdan il-Parlament Ewropew, li qed jinvestiga l-iskandlu tal-Panama u l-Panama Papers. Keith Schembri, flimkien mal-Ministru Konrad Mizzi, nqabad li fetaħ kumpanija sigrieta fil-Panama biex fiha jpoġġi miljun fis-sena ġejjin mill-Commissions.

F’ittra mibgħuta lill-Prim Ministru Joseph Muscat, iċ-Chairperson tal-Kumitat PANA Werner Langer talab lil Muscat biex juża l-awtorità tiegħu biex jitlob lil Keith Schembri jikkopera mal-kumitat. “Peress li Keith Schembri huwa ċ-Chief of Staff fl-Uffiċju tiegħek, qed nistiednek biex tuża l-awtorità tiegħek u tistaqsih jikkopera mal-Kumitat PANA billi jistieden l-istedina tagħna għal smigħ fi Strasburgu nhar it-18 ta’ Mejju bejn id-9am u l-10.30am” qal Langer lill-Prim Ministru Muscat.

Il-Kumitat PANA kien f’Malta fl-20 ta’ Frar li għadda. Fost dawk li ġew intervistati minn dan il-kumitat kien hemm il-Ministru Konrad Mizzi. Dakinhar, Keith Schembri kien irrifjuta li jmur quddiem dan il-kumitat. Dakinhar ukoll, Langer kien ilmenta li Keith Schembri kien irrifjuta li jmur quddiem dan il-kumitat permezz ta’ ittra li għaddielu Schembri stess fit-triq.

Langen kien preżenti wkoll waqt il-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew li sar f’Malta fil-jiem li għaddew, fejn ipparteċipa f’workshop dwar il-governanza fiskali. Mal-media lokali, Langen ilmenta li mhux qed isib koperazzjoni fl-investigazzjoni li qed issir mill-Kumitat PANA minkejja l-mandat qawwi li dan il-kumitat għandu mill-Parlament Ewropew.