Ambjent Lokali Turiżmu

L-Għadira titnaddaf wara rapporti ta’ NET News; il-Gvern jiddefendi u jgħid li hawn ‘rekord ta’ alka’

Wara rapporti fuq dan il-portal, il-Ministeru jnaddaf il-bajja u jgħid li hawn rekord ta’ alka

Wara li nhar it-Tlieta l-ġurnal In-Nazzjon u s-sit netnews.com.mt ippubblikaw rapporti dwar is-sitwazzjoni diżastruża fil-bajja tal-Għadira, il-Gvern naddaf il-bajja iżda ddefenda n-nuqqas li jagħmel dan qabel billi qal li f’pajjiżna hawn rekord t’alka li pajjiżna qatt ma esperjenza f’dawn l-aħħar snin kawża tal-maltemp bl-irjieħat li laqtu lil pajjiżna x-xitwa li għaddiet.

Nhar it-Tlieta kien rappurtat li l-bajja tal-Għadira spiċċat iddominata minn muntanji ta’ alka u ħama fil-baħar li mhux biss kienu qed jagħtu dehra ta’ telqa u abbandun lil din il-bajja unika fil-gżejjer Maltin, iżda kienu qed jikkawżaw nuqqas ta’ xogħol għan-negozji fil-bajja tal-Mellieħa. Ġie rrappurtat ukoll li l-ilmenti mad-Dipartiment tal-Gvern responsabbli mit-tindif kienu ilhom isiru x-xhur, iżda l-ilmenti kollha kienu waqgħu fuq widnejn torox, mingħajr ma ttieħdet azzjoni konkreta biex isir it-tindif meħtieġ.

Kien biss wara r-rapporti ta’ In-Nazzjon u NET News li l-bajja tnaddfet, bil-Gvern jgħid li tneħħew b’iktar minn 177 tunellata ta’ skart. Jidher li apparti l-bajja tal-Għadira, sar xogħol fuq il-bajjiet ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan, il-bajja ta’ Spinola u l-bajja ta’ taħt il-pjazza ta’ Buġibba u numru ta’ lokalitajiet oħra. Il-Ministeru qal li sabiex dan il-pjan iseħħ, qed jara li jkun hemm makkinarju għad-dispożizzjoni tad-Direttorat, partikolarment trakkijiet.

Id-Direttorat tat-Tindif fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura qal li qed ikollu jikri hydraulic excavator li permezz tiegħu tkun tista’ tittella’ l-alka mill-baħar.