F’Malta twaqqfet l-istituzzjoni edukattiva ġdida ‘Pegaso International’, li għandha l-għan li sservi ta’ università globali. Pegaso International twaqqfet fid-29 ta’ Marzu minn Elio Pariota, wieħed mid-Diretturi tal-istituzzjoni.
Din l-istituzzjoni edukattiva ġdida twaqqfet skont il-liġijiet ta’ Malta u qed topera minn uffiċini ġodda fi Smart City. Bħala parti mill-Università ‘Telematica Pegaso’ fl-Italja, il-grupp iħaddem mal-200 Professur f’aktar minn 65 ċentru madwar l-Italja kollha.
Apparti t-tagħlim f’livell ogħli, Pegaso International għandha l-għan li toffri wkoll tagħlim ta’ matul il-ħajja ta’ livell għoli billi tuża l-aqwa teknoloġija fit-tagħlim.
Skont din l-istituzzjoni, Malta ntgħażlet minħabba l-pożizzjoni strateġika tagħha f’nofs il-Mediterran, u minħabba l-mod kif bħala pajjiż Ewropew, pajjiżna jinsab f’pożizzjoni tajba li jgħaqqad numru ta’ netwerks madwar id-dinja.
F’diskors tal-okkażjoni waqt it-twaqqif ta’ Pegaso International, id-Direttur Elio Pariota spjega li l-mudell li din l-istituzzjoni taddotta hija bbażata fuq pjattaforma ta’ tagħlim elettroniku, sistema li stabilixxiet ruħha fuq skala globali minħabba l-għatx għat-tagħlim b’skeda personali tal-individwi li jkunu jridu jitgħallmu.
Filfatt, Pegaso International ma toffrix biss pjattaforma innovattiva u b’saħħitha li tadatta skont il-ħtiġijiet tal-istudenti, iżda toffri wkoll tutors 24 siegħa kuljum, taħriġ ta’ xogħol, sistemi ta’ studju flessibli u servizzi oħrajn relatati li għandhom l-għan li jkunu ta’ appoġġ għall-istudenti.
//= $special ?>

