Waqt seminar għall-familji li għandhom persuni bi problemi ta’ saħħa mentali, Claudette Buttigieg, ix-Shadow Minister għas-Saħħa qalet li s’issa għadha ma ingħatatx assigurazzjoni mill-Gvern li mhux se jipprivatizza s-servizzi tas-saħħa mentali. Hi fakkret li diversi persuni li jkunu għaddejjin minn problemi ta’ saħħa mentali ma jkunux qed jaħdmu u għalhekk ma jkunux jistgħu iħallsu għall-kura jekk is-servizzi jkunu privatizzati.
Is-seminar kien organizzat mill-Assoċjazzjoni tas-Saħħa Mentali. Dan l-istazzjon ħa l-kummenti ta’ Godfrey Borg, iċ-Chairman tal-Assocjazzjoni dwar l-iskop tas-seminar.
Claudette Buttigieg qalet li f’pajjiżna hawn krizi fil-qasam tas-saħħa mentali u l-pazjenti, il-familji tagħhom u anke l-professjonisti qegħdin ibatu minħabba l-istigma li għad hawn.
Hi qalet li l-ebda persuna li tkun għaddejja minn problemi ta’ saħħa mentali m’għandha titwarrab jew titlef ix-xogħol. Hi qalet li f’isem l-Oppożizzjoni qed tassigura lil kulħadd li l-qasam tas-saħħa mentali se jingħata prijorita’ imma jidher li min-naħa tal-Gvern hemm nuqqas ta’ interess f’dan is-settur.
Dr John Cachia, il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali qal li f’Lulju li għadda l-uffiċċju tiegħu bagħat rapport dwar is-saħħa mentali lill-Kumitat Parlamentari dwar is-Saħħa, imma dan baqa’ ma kienx diskuss. Hu qal li hemm bżonn li jkun hemm integrazzjoni sħiħa tas-servizzi ta’ emerġenza f’każi ta’ saħħa mentali daqs kull emerġenza oħra.
Hu qal li minn stħarriġ li sar jirriżulta li henn nuqqas ta’ djalogu bejn il-pazjenti u l-familji tagħhom u s-servizzi ta’ kura. Hu appella lill-partiti politiċi li l-qasam tas-saħħa mentali jingħata prijorita’.
Kelliema oħra kienet Connie Magro li ħadmet għal 33 sena fil-qasam tas-saħħa mentali li wkoll uriet id-diżappunt tagħha li ċerti nies li kellhom jattendu s-seminar ma attendewx. Hi qalet li dan hu nuqqas ta’ rispett lejn il-familji li tant jgħaddu minn tbatija biex jieħdu ħsieb persuni bi problemi ta’ saħħa mentali 24 siegħa kuljum.
//= $special ?>