Il-grupp ‘Friends of Manoel Island’ qed jitlob lill-Gvern biex jaċċerta li kwalunkwe żvilupp f’Manoel Island ma jsirx b’mod li jnaqqas l-aċċess tal-pubbliku jew b’mod li jikser il-kuntratt li kien ġie ffirmat bejn il-Gvern u l-MIDI għall-konċessjoni tal-art.
Fis-sena 2000, l-art kienet ingħatat biex isir żvilupp speċifiku mill-MIDI, wara li l-Parlament kien ivvota b’mod unanimu li dan isir. Dan ifisser li kemm il-Gvern kif ukoll l-Oppożizzjoni ta’ dak iż-żmien kienu qablu li għandu jkun hemm il-konċessjoni.
Madanakollu, skont il-kuntratt, ma jistax isir kwalunkwe żvilupp, u kull żvilupp li jsir irid ikun konformi ma’ dak li kien ġie ffirmat fil-kuntratt. Imma jirriżulta, li hekk kif il-MIDI qed tibda tipprepara biex tiżviluppa l-art, jidher li l-iżvilupp se jsir b’mod li jikser il-kuntratt.
Kien għal din ir-raġuni li grupp imdaqqas ta’ persuni nġabru qrib il-Forti Manoel biex jipprotestaw kontra l-pjanijiet imħejja għal Manoel Island. Pjanijiet li jinkludu żewġ lukandi, puntun għal taxis tal-baħar, casino, vilel, helipad u ħafna ħwienet. Pjanijiet li skont ħafna attivisti se jwasslu għall-kummerċjalizazzjoni tal-gżira.
“Fil-prattika dan kollu se jfisser li Manoel Island mhux se jkun jista’ jibqa’ jiġi użat għal attivitajiet soċjali u ta’ rikreazzjoni” qal il-Kamp Emerġenza Ambjent, li wkoll huwa parti mill-grupp ‘Friends of Manoel Island’. “L-għaqda Friends of Manoel Island kitbet lill-Prim Ministru Joseph Muscat u talbet li jkun hemm skrutinju dwar jekk il-MIDI żammewx mal-obbligi fil-kuntratt. Issa huwa f’idejn il-Gvern, bħala wieħed mill-partijiet fil-kuntratt, li jiżura li n-nies ma ġewx ingannati u li jesiġi li l-MIDI ibiddlu radikalment il-pjanijiet attwali tagħhom”, qal il-Kamp Emerġenza Ambjent.
Il-Kamp żied jgħid li fix-xhur li ġejjin se jkun qed jintensifika s-sejħa tiegħu sabiex ikun hemm skrutinju tal-kuntratt mill-awtoritajiet resposnabbli. “Aħna ntennu l-pożizzjoni tagħna li Manoel Island għandu jsir park nazzjonali għat-tgawdija ta’ kulħadd” temm jgħid il-Kamp Emerġenza Ambjent.
Fi tmiem il-protesta, NET News tkellem ukoll ma’ Claire Bonello, mill-grupp Friends of Manoel Island, li spjegat li l-pjanijiet eżistenti tal-MIDI jmorru kontra l-kuntratt li kien ġie ffirmat mal-Gvern. Żiedet li l-awtoritajiet qed jintalbu wkoll jinvestigaw il-kuntratt biex ikun stabbilit jekk kienx hemm ksur tal-obbligi imposti fuq il-MIDI, fosthom ir-restawr tal-binijiet storiċi u l-assigurazzjoni li ma jkunx hemm aktar deterjorazzjoni.
//= $special ?>