Evidenti l-intenzjoni tal-Gvern fil-Korp tal-Pulizija… kaċċa sfrenata għall-voti billi jivvinta l-vakanzi fit-Tmexxija tal-Korp biex hekk ikun jista’ jilgħab il-logħba li jimla’ l-postijiet vakati bin-nies li jrid hu, b’mod partikulari bin-nies meqjusa fil-familja ‘Tagħna Lkoll
L-aħbar li l-Gvern ħatar erba’ Deputati Kummissarji ġodda tal-Pulizija hi waħda farseska li tikxef bl-aktar mod sfaċċat l-intenzjoni tal-Gvern tal-Prim Ministru Joseph Muscat li jkompli jagħmel mill-Korp tal-Pulizija fergħa tal-Partit Laburista.
Lil hinn mill-argument li fil-Korp tal-Pulizija llum hemm aktar Chiefs milli Indians, il-logħba tal-Gvern hi waħda ta’ ingann pur… jivvinta karigi fl-ogħla postijiet tat-Tmexxija tal-Korp tal-Pulizija bl-iskop li jkollu kull l-aktar wiesa’ possibbli biex jimla’ l-vakanzi fil-gradi ta’ taħt.
Jekk issa l-Gvern ħatar erba’ Deputati Kummissarji ġodda, ifisser li hemm erba’ vakanzi ġodda oħra fil-gradi ta’ Assistenti Kummissarji.
Darba jinħatru l-Assisenti Kummissarji – ħatriet li huma imminenti – allura mbagħad il-Korp se jisfa’ mneżża’ minn Fizzjali li jokkupaw il-grad ta’ Supretendenti.
Diġà hemm nuqqas ta’ Supretendenti kif inhi l-organigramm illum fil-Korp tal-Pulizija, aħseb u ara meta jimtlew il-vakanzi ta’ Asisstenti Kummissarji.
Mela għal darba oħra l-Gvern se jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu l-fakultà li jrid jimla’ għadd ġmielu ta’ vakanzi fil-grad ta’ Supretendenti bir-riżultat li jbattal ħafna mill-fizzjali li bħalissa jokkupaw il-grad ta’ Spettur biex jerġa’ jirrepeti l-proċess li jkunu jridu jinħatru għadd ta’ membri fil-grad ta’ Spettur.
Sa ftit taż-żmien ilu biss biex persuna tilħaq minn Spettur għal Supretendent kien hemm proċess ta’ numru ta’ snin. Kollox jindika li l-Gvern preżenti – fid-dagħdigħa tiegħu li jikkaċċja kemm jista’ jkun għall-voti – se jagħmel dak kollu possibbli għalih biex jakkomoda l-aġenda tiegħu u għalhekk mhux se jagħti każ li josserva li biex fizzjal isir Supretendent, l-ewwel jagħmel numru ta’ snin fil-graz ta’ Spettur.
L-organigramma tal-Korp tal-Pulizija
Illum il-ġurnata l-organigramma fil-Korp tal-Pulizija hi din: Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u erba’ fizzjali fil-grad ta’ Deputat Kummissarju: Silvio Valletta, Mario Spiteri, Carmel Magri u Antoine Casha.
Imbagħad hemm numru ta’ Assistenti Kummissarji tal-Pulizija u kollox jindika li l-ħatriet ta’ Assistenti Kummissarji jista’ jkun jammonta għal disa’ membri.
Dwar dan aktar kmieni din is-sena diġà kien ingħad li l-Gvern kellu l-ħsieb li jaħtar mad-disa’ Assistenti Kummissarji ġodda. Dan kollu mmatura meta f’Jannar li għadda kienu finalizzati r-riżultati tal-promozzjonijiet tad-Deputati Kummissarji u tal-Assistenti Kummissarji.
Sorsi li fis-sigħat li għaddew tkellmu ma’ In-Nazzjon urew li bħalissa l-Korp tal-Pulizija qiegħed ikompli għaddej minn mumenti tassew redikoli u tad-daħk fl-istess ħin. Bit-Tmexxija tal-Korp tal-Pulizija tinkludi wkoll lil Angelo Gafà bħala l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni u lil Andrey Seychell, Konsulent tal-Korp. Dawn kollha fizzjali fil-faxxa ta’ fuq tal-Korp tal-Pulizija li jekk wieħed jgħodd is-salarji u l-benefiċċji li jgawdu jasal biex ikollu somma mill-isbaħ ta’ għexieren kbar ta’ eluf ta’ ewro.
Flus għall-Korp tal-Pulizija ma hemmx
“Għax l-ironija hi li għalina jgħidu li ma għandhomx flus, li għall-Pulizija li kellhom jieħdu l-flus li jmorru lura għadd ta’ snin ilu qed jgħidu li se jibdew iqassmu xi ħaġa issa… imma mbagħad għal min iridu għandhom flus bl-addoċċ!
“Għax il-verità hi li għall-Pulizija ż-żgħar ma għandhomx anqas ħwejjeġ u armar ieħor bażiku; għall-Għases is-sitwazzjoni hi tassew medjokri; it-Tmexxija tal-Korp teqred li ma għandhiex flus biex tmexxi… imbagħad il-Gvern għandu l-lussu li jkollu flus kemm irid biex jaqdi mill-koxxa lil numru ta’ fizzjali li jiggarantulu Tmexxija tal-Korp fil-livell ta’ xi fergħa Laburista,” qalulna s-sorsi tagħna fil-Korp tal-Pulizija.
Illum il-Korp tal-Pulizija hu fl-agħar livelli tiegħu. “Kieku tisma’ li jkun solvut xi delitt ftit diffiċli! Kieku tisma’ li jkun solvut xi każ iebes! Xejn. Il-każijiet li jkunu solvuti huma dawk li jkunu solvuti minnhom infushom. Tal-mistħija fil-veru sens tal-kelma! Basta wieħed jifli ftit l-istil ta’ ħajja ta’ ċerti fizzjali fil-Korp tal-Pulizija u l-mod kif jużaw il-karozza tas-Servizz u lix-xufier biex jeħodhom f’ċerti postijiet….”
Imma l-importanti għall-Gvern tal-Prim Ministru Joseph Muscat hu li jagħmel mill-Korp tal-Pulizija sors fejn jista’ jikkaċċja għall-voti. L-importanti għall-Gvern tal-ġurnata mhux li l-poplu Malti u Għawdxi jkollu Korp tal-Pulizija dinjituż u xieraq kif jixraq lin-nies, imma koċċ nies li jilgħaqu lill-Gvern tal-ġurnata.
Għoti ta’ promozzjonijiet lil min ma ħaqqux
Għaliex hekk se jkompli jsir fil-promozzjonijiet li se jkomplu jingħataw. Se nkomplu nassistu għal fizzjali li jingħataw aktar promozzjonijiet meta ma jimmeritawx li jingħataw il-promozzjoni. Se nkomplu naraw fizzjali mbuttati ‘l quddiem meta kulħadd jaf li ma kenux għall-altezza tal-Uniformi tagħhom, li ma mxewx b’mod ġust, li abbużaw mill-kariga tagħhom, li jixorbu u jiskru, li jdaħħku lin-nies bihom, li xellfu difrejhom mal-Liġi mingħajr ma ttieħdu passi fil-konfront tagħhom…
Qatt daqs illum mal-Korp tal-Pulizija kellu Deputati Kummissarji – erba’ b’kollox! Verament redikolaġni fl-aqwa tagħha. U dan meta fil-Korp tal-Pulizija hemm diġà l-Ispettur Angelo Gafà fil-grad ta’ Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni responsabbli mill-Amministrazzjoni tal-Korp tal-Pulizija.
Għaliex l-erba’ fizzjali li issa nħatru Deputati Kummissarji tal-Pulizija huma: Silvio Valletta nħatar Deputat Kummissarju tal-Pulizija għall-Investigazzjonijiet Kriminali; Mario Spiteri nħatar Deputat Kummissarju tal-Pulizija għar-Riżorsa Umana u l-Amministrazzjoni; Carmelo Magri nħatar Deputat Kummissarju tal-Pulizija għal Xogħol Operattiv u tad-Distretti; u Antoine Casha nħatar Deputat Kummissarju tal-Pulizija għal Affarijiet Legali, tal-Finanzi, t-Teknoloġija Informatika u tal-Komunikazzjoni.
Korp tal-Pulizija fejn aktar hemm chiefs milli Indians
“Aktar Chiefs milli Indians… bir-riżultat li fizzjali serji oħrajn jibqgħu jitħallew l-art sempliċiment għaliex ma jikkondividux il-ħsibijiet tal-Gvern tal-ġurnata. U dan hu rifless fil-karigi l-oħrajn ta’ Assistenti Kummissarji, Supretendenti u Spetturi.
“Illum fil-Korp tal-Pulizija timxi ‘l quddiem mhux jekk intix leali lejn il-ġurament u lejn l-Uniformi, iżda jekk intix widna u jekk intix meqjus fil-familja ‘Tagħna Lkoll’,” komplew jgħidulna s-sorsi tagħna fil-Korp tal-Pulizija.
Huma komplew jgħidulna li hu għalhekk li llum il-Korp tal-Pulizija jinsab fl-istat li jinsab fih – nuqqas kbir ta’ ħeġġa, nuqqas enormi ta’ motivazzjoni, partiġġjaniżmu kontinwu, riżultati fjakki għall-aħħar, delitti mhux solvuti, ċittadini ma jinqdewx, Għases tal-Pulizija magħluqa, karozzi ma jaħdmux…
Il-moral fost il-membri tal-Korp tal-Pulizija hu baxx ħafna. Għax mhux kemm int dedikat u serju jgħodd; mhux kemm int professjonali fix-xogħol u kemm int integru jiswa… “verament karatteristika ta’ Gvern immexxi mill-Partit Laburista li dejjem jaħseb li l-Korp tal-Pulizija hu xi estensjoni tiegħu.”
Sadattant aktar kmieni din il-ġimgħa jiġi l-Ministru Carmelo Abela jiftaħar bil-ħatriet ta’ erba’ Deputati Kumissarji tal-Pulizija ġħodda li rċevew il-ħatra tagħhom minnu fil-preżenza tal-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u l-Kap Eżekuttiv tal-Korp Angelo Gafà.
Firda evidenti bejn il-membri tal-Korp
Għaliex anki hawn hi verament ironika s-sitwazzjoni fejn hemm firda evidenti bejn il-membri fejn filwaqt li hemm fizzjali u membri li huma leali lejn il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, qed tkompli tikber il-fazzjoni ta’ fizzjali u membri oħrajn li qed jinvestu fl-Ispettur Angelo Gafà li qed jokkupa r-rwol ta’ Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni.
Madwar xahar ilu biss kienet il-gazzetta il-mument li rrapportat għal aktar minn darba kif il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, fost l-oħrajn, għadu jgawdi l-lealtà ta’ fizzjali li fir-rank huma superjuri għar-rank tal-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni. Dawn ma jistgħux iniżżluha li Angelo Gafà rnexxielu jaqbeż lil kulħadd u jingħata l-ħatra ta’ Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni, iżda fl-istess ħin il-Gvern żammu marbut bl-ispaga li ħallih fir-rank ta’ Spettur.
Angelo Gafà, li sa ftit ġimgħat ilu biss kien jokkupa l-kariga ta’ Deputat fis-Servizz Sigriet Malti, twarrab biex il-Gvern, permezz ta’ ġebla waħda, ikun jista’ jagħmel diversi spostamenti u manuvri u hekk ikollu għall-opportunità tiegħu l-faċilità li jaqdi lil numru ta’ persuni.
Jekk il-kompetituri għall-kariga ta’ Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni fil-Korp tal-Pulizija baqgħu b’xiber imnieħer milli jingħataw din il-kariga – rwol li ngħata lill-preferut Angelo Gafà – madankollu Kastilja mill-ewwel skattat il-makkinarju tagħha biex lil dawn kollha tara kif taġevolahom f’postijiet oħrajn b’karigi li magħhom hemm marbuta pakkett ta’ kundizzjonijiet mill-aqwa.
Il-Gvern ħalla lil Angelo Gafà fir-rank ta’ Spettur
Madankollu Angelo Gafà nżamm fil-kariga ta’ Spettur u dan qiegħed joħloqlu problemi serji meta jiġi biex jitkellem ma’ superjuri tiegħu fil-Korp tal-Pulizija.
Fost l-oħrajn l-Uffiċċju ta’ Angelo Gafà reċentement imbarka fuq inizjattiva li għandha l-iskop li tassigura li l-membri fil-Korp tal-Pulizija ma jkunux involuti f’xi tip ta’ xogħol part-time. Hu sigriet magħruf li hemm fi ħdan il-Korp numru ta’ membri li xogħolhom hu li jispjunaw u jistaqsu dwar il-kollegi tagħhom u jiġbru data biex jaraw min għandu part-time u min ma jagħmilx part-time.
Sorsi li tkellmu ma’ il-mument fissrulna li t-tensjoni fil-Korp tal-Pulizija qed tkompli tikber mhux biss għaliex hemm firda bejn l-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Pulizija u l-Uffiċċju tal-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni, imma anki għaliex filwaqt li għal tal-ewwel jipprova jagħlaq għajn waħda, tat-tieni jipprova jimpressjoni b’ideat li joħroġ ħalli jintgħoġob ma’ ta’ fuqu.
Lil hinn mid-diskors li jingħad fil-beraħ, id-diskors li jgħodd hu dak li jingħad fil-magħluq u il-mument taf tajjeb kif l-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Pulizija u dawk ta’ madwaru jitkellmu dwar il-ħatra ta’ Angelo Gafà u viċi-versa.
Il-Kummissarju tal-Pulizija hu konxju tal-fatt li l-Gvern poġġih f’din il-kariga biex jinqeda bih, iżda hu konxju wkoll li ma jridx li ismu jiċċappas fl-istorja bħala Kummissarju tal-Pulizija pupazz tal-Gvern u li ma qediex id-doveri tiegħu skont il-ġurament ta’ lealtà.
Min-naħa l-oħra u bl-aktar mod sottili l-Uffiċċju tal-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni qiegħed ikompli jimbotta l-isem ta’ Angelo Gafà bħala l-Kummissarju ideali tal-Pulizija wara l-falliment ta’ Pietru Pawl Zammit, Raymond Zammit, Michael Cassar u anki Lawrence Cutajar fir-rwol ta’ Kummissarju tal-Pulizija.
Dawn isostnu li jekk il-Gvern falla f’xi qasam partikulari matul din il-leġislatura, dan kif fir-rwol ta’ Kummissarju tal-Pulizija meta f’inqas minn erba’ snin irnexxielu jaħtar ħames persuni f’din il-kariga daqstant sensittiva. Dan apparti mill-fatt li l-Gvern ma rnexxielux iżomm it-tluq ta’ għexieren ta’ Fizzjali li ma felħux jissaportu aktar l-inġustizzji u l-ingann fil-Korp tal-Pulizija.
Il-kwistjoni taħraq tal-part-time
Il-kwistjoni tal-part-time fost il-membri tal-Korp tal-Pulizija hi issue taħraq ħafna u s-sorsi li tkellmu magħna staqsew għaliex din l-attitudni ma titteħidx ukoll fir-rigward tal-membri tas-Servizz Sigriet Malti fejn hu sigriet magħruf dwar kif membri jagħmlu xogħol part-time f’ċerti uffiċini privati u hekk għandhom dħul minn sorsi oħrajn.
Meta f’nofs din il-ġimgħa l-Ministru Abela ta l-ħatra lill-erba’ Deputati Kummissarji ġodda qal li llum il-Pulizija qed taħdem f’soċjetà li qed tinbidel fejn anke s-soċjetà u l-kriminalità qed tevolvi b’rata mgħaġġla. Għaldaqstant kull Deputat Kummissarju se jkun qiegħed jiffoka fuq oqsma differenti u speċjalizzati.
Hu rrimarka kif din il-kariga fit-Tmexxija tal-Korp iġġib magħha responsabbilitajiet ġodda.
Huwa qal lill-erba’ Deputati Kummissarji kif huma għandhom iservu ta’ spalla għall-Kummissarju tal-Pulizija fid-dmirijiet tiegħu marbuta ma’ xogħol investigattiv u għall-Kap Eżekuttiv tal-Pulizija għal xogħol amministrattiv. Semma’ kif hu mistenni li dawn il-ħatriet għandhom iwasslu għal iżjed deċentralizzazzjoni fil-Korp.
Il-Ministru Carmelo Abela qal li spiċċa ż-żmien fejn kull deċizjoni trid titla’ sal-livell tal-Kummissarju tal-Pulizija.
Il-Ministru Abela innota kif dawn il-ħatriet qegħdin isiru fi żmien importanti għall-Korp fejn qed jgħaddi minn perjodu ta’ tibdil u tisħiħ biex ikollna Korp iżjed modern.
Hu awguralhom kull risq fir-rwol tagħhom u wera l-fiduċja tiegħu f’dawn l-erba’ persuni li ddeskrivihom bħala integri biex ikomplu jmexxu lill-Korp u lill-membri tal-Pulizija ‘l quddiem.
//= $special ?>