Lokali

Xogħol f’Buġibba: Pass tajjeb, iżda hemm bżonn aktar koordinament

Il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar qal li jilqa’ bi pjaċir dan l-invstiment fil-lokalità hekk kif fi stqarrija b’referenza għall-konferenza stampa li saret dalgħodu, fost l oħrajn mill-Ministri Joe Mizzi u Edward Zammit Louis, f’Misraħ il-Bajja, magħrufa bħala l-pjazza ta’ Buġibba fejn tħabbar li se jsir xogħol ta’ resurfacing fil-promenade ta’ Buġibba.

Graziella Galea, is-Sindku tal-lokalità qalet li dan l-investiment imsemmi se jsir mill-fondi miġbura mill-50 ċenteżmu għal kull lejl li turist joqgħod f’pajjiżna. Hija qalet li filfatt f’diversi laqgħat li kelli ma’ diversi rapprezentanti mill-MTA dejjem hija dejjem insistiet li bhala l-lokalita’ li fiha wieħed isib l-ikbar ammont ta’ sodod għat-turisti, għandu jsir fiha investiment xieraq, liema investiment għandu l-ewwel u qabel kollox isir fuq it-toroq fil-lokalità fosthom il-promenade ta’ Buġibba.

Hija qalet li kienu diversi korrispondenza mal-Ministru tat-Trasport kif ukoll lill-Ministru għat-Turiżmu sabiex isir xogħol fuq it-toroq fil-lokalità bħal promenade minn San Pawl il-Baħar, lejn Buġibba sal-Qawra, u Triq it-Turisti.

Galea appellat lill-awtoritajiet konċernati biex dan ix-xogħol isir f’qasir żmien sabiex b’hekk ma jaffetwax b’mod negattiv lill-industrija tat-turiżmu fil-lokalità, kif ukoll li fejn hemm il-ħtieġa li jinbiddlu s-servizzi, b’mod partikulari dawk tal-ilma, dan ix-xogħol isir bħala parti minn dan il-proġett, sabiex b’hekk ma jkunx hemm sitwazzjonijiet fejn triq ġdida jkollha bżonn titħaffer minħabba ħsarat jew bdil ta’ servizzi.

Is-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar qalet li hija ħasra li saret taf b’dan l-investiment mill-midja u ma saritx taf b’dan l-investiment qabel, il-għaliex bla ebda dubju il-proġett kien se jsib l-appoġġ tagħha u tal-Kunsill. Hija għalqet l-istqarrija billi tittama li issa jsir il-koordinament neċessarju mal-Kunsill Lokali sabiex dan ix-xogħol ikun jista’ jsir kif suppost u bl-inqas inkonvenjenza għal kulħadd.