Il-Gvern ta’ Joseph Muscat falla quddiem il-ħaddiem tal-Air Malta u l-familji tagħhom. Issa, wara dan il-falliment, il-Gvern ta’ Muscat qiegħed jipprova jitfa’ l-ħtija tas-sitwazzjoni fl-Air Malta fuq il-Unions minkejja li ilu aktar minn sena jinjora proposti ta’ sustanza mill-Partit Nazzjonalista. Il-ħaddiema tal-Air Malta mhux tgħajjir għandhom bżonn imma min jappoġġjahom, min iserviehom. L-Air Malta hija ta’ mportanza nazzjonalitant li l-ekonomija tagħna stess tiddependi fuq l-Air Malta għaliex din għandha l-interess nazzjonali ta’ pajjiżna.
Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt Attività Politika bit-tema ‘Nirnexxu Lkoll Flimkien’ f’Ħad-Dingli. Simon Busuttil qal li l-Gvern ta’ Muscat qed iħalli l-Air Malta titmermer u, issa li qiegħda toqrob l-elezzjoni, aktar qiegħed jibża’ jieħu d-deċiżjonijiet. Il-Partit Nazzjonalista, qal Simon Busuttil, jiggarantixxi li jkun hemm linja tal-ajru nazzjonali li sservi lill-ħaddiema, lill-pajjiż, u lill-ekonomija.
Tnaqqis mill-Gvern fl-investiment għan-nies
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li surplus mhux biss huwa tajjeb, imma huwa xi ħaġa li l-Partit Nazzjonalista jrid u li bassar saħansitra fil-programm elettorali tal-2013. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li malli mbagħad iżda tidħol fid-dettalji tar-rapport li ppubblika l-Gvern, tinduna li dan is-surplus sar għaliex in-nefqa li nagħmlu fil-pajjiż fil-proġetti qatgħuha bin-nofs.
Simon Busuttil qal li mhux tajjeb li pajjiż ma’ jinvestix fi proġetti kapitali bħal toroq, bankini, pjazez, ġonna u spazji pubbliċi, proġetti ta’ restawr u oħrajn. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li f’erba’ snin il-Gvern Laburista għadu ma bediex u spiċċa proġett wieħed li għandu x’jaqsam mat-trasport. Mhux ta’ b’xejn, qal Simon Busuttil, li skont is-sondaġġi, t-traffiku sar l-akbar problema li għandhom in-nies illum.
Simon Busuttil qal li taħt il-Gvern ta’ Muscat, it-traffiku sar problema ikbar milli kien, għaliex dan telaq il-proġetti ta’ infrastruttura kollha meta naqqas l-investiment fil-kapital bin-nofs.
In-nies mhux iħossu l-effet ta’ tkabbir fl-ekonomija
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li s-surplus ġie ukoll minn fuq dahar dawk li qiegħdin ibatu. Huwa qal li llum hawn aktar minn 3,500 persuna jibku għall-housing filwaqt li għandna fenomenu ta’ persuni jgħixu barra jew fil-karozza. Il-Gvern suppost soċjalista, qal Simon Busuttil, wara aktar minn erba’ snin, għadu lanqas biss bena appartament ta’ housing soċjali wieħed.
Huwa semma’ kif il-Gvern ġab l-iskuża tal-iskart tal-bini sabiex jipprova jispjega għaliex ma sarux proġetti ta’ housing, iżda Simon Busuttil qal li l-poplu mhux mazzun u jaf li din hija biss skuża fqira.
Il-Gvern ta’ Joseph Muscat, qal Simon Busuttil, wiegħed kemm qabel l-elezzjoni u kemm wara li se jibni djar għall-anzjani, għall-persuni b’diżabilità, għall-kura tas-saħħa iżda għaddew erba’ snin u għadu ma sar xejn. Huwa qal li issa qiegħed jingħad ukoll li d-dipartiment tad-dermatoloġija se jiġi privatiżżat baxx baxx u, fil-fatt, meta sar it-trasferiment minn Sir Paul Boffa għall-isptar tal-Onkoloġija l-ġdid, dan id-dipartiment baqa’ ma ġiex trasferit.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li meta l-Gvern jaqta’ l-investiment fit-toroq, fid-djar tal-anzjani, fl-iskejjel, fis-social housing, bil-fors se jirnexxielek toħloq surplus. Iżda, qal Simon Busuttil, huwa jistenna li s-surplus isir billi titneħħa l-ħela tal-Gvern fil-positions of trust, fl-appointments żejda, fil-pagi tal-konsulenza bla bżonn, u mhux billi tnaqqas l-investiment kapitali li jolqot il-kwalità tal-ħajja tal-pubbliku kollu.
Simon Busuttil qal li nofs il-popolazzjoni ma jarawx €11,000 fiis-sena. Minbarra hekk, huwa qal li qiegħda ssir diskriminazzjoni bejn persuni li qegħdin jitħallsu b’pagi differenti għall-istess xogħol. Huwa qal li, għall-kuntrarju, Il-Partit Nazzjonalista jwiegħed pagi ġusti u pagi indaqs.
Joseph Muscat, kompla l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, ilu sa mill-2010 daqqa qal li se jżid il-minimum wage, daqqa qal li se jagħmel living wage iżda sal-lum għadu ma qal xejn fil-prattika. Simon Busuttil appella lill-imsieħba soċjali sabiex ikunu huma li jsibu qbil dwar din il-kwistjoni u qal li l-Partit Nazzjonalista jafda fis-serjetà u l-impenn tagħhom tant li qiegħed jikommetti ruħu li jappoġja l-proposti konkreti tagħhom.
Il-Partit Nazzjonalista reġa’ għamilna kburin li aħna Maltin
Simon Busuttil qal li permezz tal-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew li tlaqqa’ f’Malta matul din il-ġimgħa, urejna li l-Partit Nazzjonalista huwa rispettat fl-Ewropa. Simon Busuttil qal li din il-ġimgħa il-Partit Nazzjonalista reġa’ għamilna kbrin li aħna Maltin. Huwa qal li kienet ħolma għall-Partit Nazzjonalista bħala partit fl-Oppożizzjoni u b’riżorsi limitati li jtella’ l-akbar avveniment politiku matul il-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea.
Meta tgħid Partit Nazzjonalista, qal Simon Busuttil, tfisser serjetà, sustanza u mhux photo opportunities. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-kbarat kollha kienu f’Malta biex jagħtu messaġġ b’mod ċar li huma jappoġġjaw lill-Partit Nazzjonalista.
Simon Busuttil qal li, apparti dinjitarji mill-Unjoni Ewropea bħal Merkel, Tusk, u Rajoy kien hawn ukoll mexxeja Ewropej minn barra l-Unjoni mill-Iżvizzera, l-Ukrajna, u l-Moldova li riedu jagħtu sostenn lill-Partit Nazzjonalista.
Bil-preżenza tagħhom, qal Simon Busuttil, kollha kemm huma riedu jgħidu li huma wara l-Partit Nazzjonalista. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li huwa kburi li huwa Malti, li huwa Ewropew, u li jmexxi lill-Partit Nazzjonalista li jgawdi minn tant rispett fl-Ewropa.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Kungress tal-PPE beda proprju fil-ġurnata meta r-Renju Unit ippreżenta l-ittra biex joħroġ mill-Unjoni Ewropea. Brexit, qal Simon Busuttil, huwa l-konsegwenza tal-populiżmu li jwiegħed kollox mingħajr ma joffri xejn konkret. Il-populiżmu m’huwiex sfida tar-Renju Unit biss, qal Simon Busuttil, iżda wkoll sfida għall-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Din hija wkoll sfida li għandu pajjiżna.
Huwa qal li hawn min l-Unjoni Ewropea jaraha ‘l bogħod u li m’għandhiex x’taqsam magħna imma, kompla Simon Busutil, l-Unjoni Ewropea tfisser il-jobs tagħna, l-għixien tal-familji tagħna, l-infrastruttura tagħna.
Il-populiżmu jhedded il-demokrazija
In-nies iridu mhux mexxejja populisti imma politiċi serji, qal Simon Busuttil. Huwa qal li bħalissa għaddeja orġja ta’ xiri ta’ voti mill-Gvern Laburista. Huwa qal li llum stess, fuq l-Independent ħarġu aktar dettalji fuq l-iskandlu enormi dwar il-ħruġ ta’ karti ta’ identità doppji. Jekk hemm prinċipju bażiku demokratiku wieħed, sostna Simon Busuttil, huwa li l-vot ta’ kulħadd ikun stmat indaqs. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li huwa inaċċettabbli li jkun hemm min jingħata aktar minn karta ta’ identità waħda u qal li dan il-pass li juri kemm il-Gvern ta’ Joseph Muscat lest li jagħmel kollox biex jibqa’ ggranfat mal-poter.
Simon Busuttil qal li l-Gvern, wara ġimgħatejn minn mindu ġie żvelat dan l-iskandlu, għadu m’għamel xejn iżda qal li l-Partit Nazzjonalista mhux se jħalli lill-Partit Laburista jbagħabas il-proċess elettorali u se jkun hemm biex jiżgura li d-demokrazija tiġi rispettata.
Il-problema tal-populiżmu qiegħdin naffaċjawha aħna wkoll fejn tara politiċi moħħhom fil-ħsejjes, fir-ritratti, fl-islogans iżda, meta tgħasar, ma ssib xejn qal Simon Busuttil. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Partit Laburista ilu sa minn qabel l-elezzjoni l-oħra jipprova jikkopja u jippoża bħall-Partit Nazzjonalista, inkluż billi jużaw l-istess kuluri. Iżda, qal Simon Busuttil, il-Partit Laburista huwa kopja falza tal-Partit Nazzjonalista, u aħjar mill-oriġinali m’hemmx.
Il-Partit Nazzjonalista huwa l-Partit li dejjem ħares u mexxa l-aspirazzjonijiet tal-poplu, qal Simon Busuttil, dan huwa l-Partit li sarraf ix-xewqat tan-nies f’politika għan-nies; li għamel lill-Malta pajjiż Ewropew u pajjiż rispettat.
//= $special ?>
