Il-kantant-kompożitur Amerikan, Bob Dylan, aċċetta l-Premju Nobel għal-Letteratura, b’dan ikun ikkonfermat mill-Iżvezja aktar minn tliet xhur wara ċ-ċerimonja għall-għoti tal-premju prestiġjuż.
Ir-rapporti qalu li Dylan ingħata l-midalja tiegħu waqt avveniment privat fi Stokkolma u qabel kellu jagħti kunċert fil-kapitali Żvediża.
Intant, l-uffiċjali Żvediżi tal-Akkademja tan-Nobel kienu qalu, qabel, li Dylan (waqt l-avveniment) ma kellux jagħmel it-taħdita marbuta man-Nobel, li hi kundizzjoni tradizzjonali relatata għall-għoti tal-premju ( għal-Letteratura) ekwivalenti għal aktar minn 800,000 ewro.
Il-kantant veteran, li għandu 75 sena, kien mistenni li jibgħat versjoni rrekordjata tat-taħdita ‘aktar ‘il quddiem’ u f’każ li jonqos milli jagħmel hekk sa Ġunju, hu ikollu jagħti lura l-premju lill-Akkademja.
Wara li aċċetta n-Nobel għal-Letteratura, Bob Dylan kien il-protagonista waqt kunċert li kien organizzat is-Sibt fl-inħawi tas-Stockholm Waterfront.
//= $special ?>