Għawdex Lokali

Il-mara tal-Ministru għal Għawdex issa tingħata impjieg fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni

L-artiklu tal-gazzetta il-mument dwar il-Ministru Anton Refalo u l-mara tiegħu
Minn customer care fil-Ministeru għal Għawdex, għal impjieg fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex għal impjieg fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni. Għawdxin oħrajn aktar kwalifikati huma irrabjati għaliex tħallew b'xiber imnieħer

Mikelina Refalo tingħata promozzjoni ta’ ‘Management Support Coordinator’

Never a dull moment għall-familja Refalo ġewwa Għawdex, l-ewwel Customer Care fil-Ministeru għal Għawdex, imbagħad impjieg fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, imbagħad fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni f’Għawdex… u issa promozzjoni bi dħul finanzjarju akbar bħala ‘Management Support Coordinator’.

Il-protagonista ta’ dan kollu hi Mikelina Refalo, il-mara tal-Ministru Anton Refalo, li iżda xorta waħda llum ikun hemm min josservaha spiss fil-binja tal-Ministeru għal Għawdex, waqt il-ħinijiet tax-xogħol u meta suppost li hi impjegata fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni.

Il-gazzetta il-mument żvelat li sorsi li tkellmu magħha qalu li f’Għawdex qed ikomplu jiġru ħafna għeġubijiet… bħal din il-promozzjoni stramba fejn bosta minn dawk li applikaw baqgħu b’xiber imnieħer u dan minkejja li huma ferm aktar kwalifikati mill-mara tal-Ministru.

Il-kariga l-ġdida li se tkun qed tokkupa Mikelina Refalo hi dik ta’ ‘Management Support Coordinator’ fil-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol (MEDE) u se tkun qed isservi f’Għawdex stess.

Tul din il-leġislatura Mikelina Refalo kienet fl-aħbarijiet diversi drabi, fosthom dwar kif kienet taqdi lin-nies fl-Uffiċċju tal-Customer Care fil-Ministeru ta’ żewġha. Iżda mbagħad, ħabta u sabta hekk kif żewġha kien taħt attakk mill-media dwar xogħlijiet fil-privat permezz ta’ ħaddiema tal-Gvern u b’materjal tal-Gvern, lilha nstabilha impjieg fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Dan kollu f’nofs Mejju tal-2015 meta kienu qed jiġu żvelati każi ta’ abbużi minn ħaddiema tal-Gvern fil-Ministeru ta’ żewġha. Mikelina Refalo kienet taħdem fid-Dipartiment tal-Customer Care tal-Ministeru u jidher li kellha wkoll aċċess għal files sensittivi ta’ xogħlijiet li l-Ministeru jitlob li jsiru fil-gżira Għawdxija.

B’mod preċiż ħadd ma jaf x’kien ix-xogħol tagħha fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għalkemm is-suspett jibqa’ li baqgħet tara lin-nies u taqdihom f’dak kollu li jkun hemm bżonn.

Dan kollu sakemm f’Ottubru 2016 kienet ingħatat impjieg mal-Ministeru tal-Edukazzjoni. Dan kollu kien stimula ħafna suspetti fost il-ħaddiema tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.