Internazzjonali

Il-qawwiet tas-sigurtà fil-Kolombja qed ifittxu għal mijiet ta’ persuni rappurtati nieqsa

Ritratt: EPA

Il-qawwiet tas-sigurtà fil-Kolombja bħalissa qed ifittxu għal mijiet ta’ persuni rappurtati nieqsa tul zona wiesgħa li ntlaqtet minn valangi tat-tajn għall-għarrieda, li ħallew ‘il fuq minn 250 mejtin.

Mijiet ta’ suldati u pulizija qed jieħdu sehem fl-impenn tas-salvataġġ urġenti meta qed jiffaċċjaw ukoll ġlieda mal-ħin biex jirkupraw il-ħajjin minn taħt it-tajn. Il-valangi fl-inħawi ta’ Mocoa jidhru li kienu xprunati minn ħalbiet kbar tax-xita li kkaġunaw għargħar f’din il-belt u l-madwar u fejn numru kbir ta’ residenzi intradmu taħt it-tajn u l-blat.

Ir-residenti tal-inħawi kienu kostretti li jaħarbu minn Mocoa, li hi l-kapitali tal-provinċja ta’ Putumayo, waqt li stqarrija mill-Armata rreferiet għal talanqas 200 mejtin u aktar minn 400 midruba b’konsegwenza tal-valangi.

Qed jgħinu wkoll fl-impenn tas-salvataġġ voluntieri Kolombjani mal-Assoċjazzjoni tas-Salib l-Aħmar u li qed jassistu lill-membri tal-familji mġarrbin biex isibu lill-għeżież li tilfu l-kuntatt magħhom. Intant, ir-residenti ta’ Mocoa jinsabu fi stat ta’ ansjetà kbira minħabba n-numru ta’ tfal li għebu u li jaħsbu li setgħu intradmu taħt it-tajn f’dik iz-zona.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Kolombja, Juan Manuel  Santos, iddikjara stat ta’ emerġenza fir-reġjun u mar personalment f’dawk l-inħawi biex jissorvelja l-ħidma tas-salvataġġ li qed issir dejjem aktar urġenti.