Futbol Lokali Sport

“Is-serq mill-inħawi tal-Hibs Stadium u Kordin hu xi ħaġa komuni ħafna” – il-vittmi jirrakkuntaw

Il-Karozzi tal-plejers li nsterqu waqt li kienu qed jilgħabu

L-aħbar li żewġ plejers ta’ Sliema Wanderers insterqu waqt il-logħba kontra St. Andrews xeħtet dawl fuq problema li ilhom jaffaċċjaw għal xhur sħaħ kemm plejers kif ukoll partitarji tal-futbol u l-futsal.

Dan hekk kif, wara l-aħbar ippubblikata minn Net News dwar is-serqa li ġarrbu l-plejers Marko Potezika u Jonathan Pearson, kienu ħafna dawk li bagħtu jinfurmaw lil dan is-sit b’serqa wara l-oħra li seħħew riċentament mill-istess żona kif ukoll madwar il-Padiljun ta’ Kordin.

Mgħejuna minn nuqqas ta’ dawl fit-toroq tal-madwar tal-Hibs Stadium, kif ukoll nuqqas ta’ uffiċjali tal-Pulizija fit-toroq, persuna jew persuni mhux magħrufa qed jaħtfu l-opportunità li jkissru vetturi u jkaxkru magħhom dak kollu li jsibu fuq ġewwa.

Minbarra s-serqa lill-plejers ta’ Sliema Wanderers, il-Ħamis li għadda tkissret ukoll ħġieġa ta’ karozza waqt il-logħba tal-futsal bejn Valletta u Swieqi, din id-darba mill-inħawi tal-Padiljun.

Jidher għalhekk li l-ħallelin qed jippuntaw fuq dawn l-avvenimenti sportivi biex jakkwistaw oġġetti ta’ valur.

Tant hu hekk li fl-aħħar jiem saret ukoll serqa minn vetturi ta’ studenti tat-tim tal-futsal tal-Università ta’ Malta, li huma magħrufa li jkollhom ammont imdaqqas ta’ partitarji żgħażagħ. Uħud minn dawn insterqulhom laptops minn wara tal-vetturi tagħhom, minħabba li wħud minnhom imorru jagħtu l-appoġġ tagħhom direttament wara li jispiċċaw mil-lectures.