BLOGS

Iż-Żmien Isajjar il-Bajtar

Justin Schembri 

L-idea ta’ unità u għaqda taħt bandiera ta’ nazzjon indipendenti u sovran imma Ewropew hija idea li mhux dejjem ingħatat tifsira politika varjata u fokalizzata sabiex tkun tema ewlenija f’viżjoni ta’ partit politiku lokali daqskemm inħoss li ngħatat, issa li l-Partit Nazzjonalista qiegħed isawwar l-ideoloġija attwali fuq l-idea ta’ ‘Nirnexxu Lkoll Flimkien’. Nazzarda ngħid hekk għaliex dan is-slogan huwa divers minn dak utilizzat mill-Partit Laburista qabel l-elezzjoni tal-2013 hekk kif jisħaq fuq kelma imperattiva għalkollox fit-twettiq soċjopolitiku, il-kelma ‘Nirnexxu’ li tħaddan fiha valur ta’ kollettività imma li wkoll tisħaq fuq il-pożittività tal-għaqda nnifisha u s-suċċess li ġġib magħha.

Dan is-slogan, narah li għaqqad id-dimensjoni tal-ħsieb ta’ Simon Busuttil bħala politiku u ta’ Partit li dejjem kien fuq in-naħa t-tajba tat-tiswir viżjonarju tal-pajjiż. Imma l-ħsieb u l-viżjoni ma humiex biss il-karatteristiċi li jagħmlu Partit Politiku, huma imma l-integrità u l-onestà li jwessgħu dak li għandu jkun u jiffurmawh f’dak li jkun. Irrid norbot, f’din l-opinjoni, ftit ħsebijiet tal-ġenju Albert Einstein mal-binarji politiċi ewlenin: Busuttil u Muscat sabiex nagħti dimensjoni differenti ta’ ħsibijiethom.

’Il Simon Busuttil rajnieh, tul is-sena 2016 – anke qabel imma din kienet is-sena li fiha enfasizza dal-valur karatteristiku minn tiegħu – jippreżenta idea ġdida għall-politika lokali: L-onestà. Jekk Einstein jgħid li ‘kulmin ma jiħux ħsieb il-verità f’affari żgħar, ma jista’ qatt ikun afdat f’affari kbar’, l-istess huwa l-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista fil-konfront tal-avversarju politiku tiegħu Joseph Muscat, li deher jaħbi, ibiddel, ivarja u jmeri għadd imdaqqas ta’ fatti li kienu lkoll fattwali quddiem sensiela ta’ skandli li ħasdu l-komunità politika tal-2016 u aktarx biddluha għal snin twal, għax il-veritajiet li kienu miċħuda meta ppreżentati l-fatti, hija ħsara irreparabbli. Dan innutajnieh f’diversi każi li fihom Muscat żamm sod mad-deċiżjonijiet li ma jimxix mal-prinċipju fundamentali tal-verità, u għaldaqstant ma jista’ qatt jasal biex ikun afdat fl-aktar affari serja bħat-tmexxija ta’ pajjiż wara tliet snin u nofs ikkaratterizzati minn skandlu wara ieħor.

L-istess ‘ħassieb’ jargumenta kif il-bniedem ‘għandu jħares li jkun [bniedem] ta’ valur u mhux ta’ suċċess’, affermazzjoni li wkoll toħloq distinzjoni bejn Busuttil u Muscat, bl-ewwel wieħed iqis bħala l-ideoloġija tiegħu dak li huwa vvalutat waqt li b’tal-aħħar jagħraf is-suċċess politiku bħala l-qofol tal-politika. Id-differenza għaldaqstant tinħass fit-tnedija attwali ta’ dokumenti bħal ‘Il-Politika tal-Ħwienet’ u ‘Ekonomija għan-Nies’ li jħaddnu fil-bażi tagħhom lill-bniedem – li jixraqlu jirnexxi – li huwa l-fokalizzazzjoni tal-inizjattivva politika li minnha nfisha hija vvalutata bħala waħda nobbli l-aktar fi żmenijiet (fis-sena 2016 ħareġ ir-rapport tal-Caritas) fejn il-faqar kompla jikkonferma kemm il-Partit Soċjalista naqas milli jkun verament il-Partit li jagħraf il-valur uman anke fid-dawl tal-assoċjazzjoni indiretta mal-GWU u l-iskema kontroversjali li ħammġet darba għal dejjem ir-reputazzjoni tal-Union imsemmija. Min-naħa l-oħra, inqis lil Muscat bħala l-politikant ossessjonat bis-suċċess, fejn kollox huwa vvalutat abbażi tal-ekonomija imma li ma tirrendix għajxien xieraq u rispettabbli għal kulħadd, imma għall-ftit, Muscat li huwa ossessjonat bl-istatistika u mhux bl-umanità. U dan il-kejl għalhekk, jikxef distinzjoni li mhux dejjem nagħtuha d-dawl.

Nikkonkludi billi wkoll nikkwota lil Einstein sabiex nixhed iż-żewġ dimensjonijiet fil-maturità politika tal-wieħed u tal-ieħor. ‘L-uniku sors ta’ għarfien, hija l-esperjenza’, jafferma. Dan, mingħajr wisq kompromessi filosofiċi jwassalni għal ħsieb anqas tqil imma daqstant ieħor profond: iż-żmien isajjar il-bajtar. Hekk in-nies taf tgħarbel u tqis skont l-esperjenza tagħha, u meta jkun il-mument, l-esperjenzi negattivi tal-politika ta’ Muscat fl-2016 ikunu ħallew il-frott tat-togħma morra ta’ Moviment li qatt ma kien.

Imbagħad ‘Nirnexxu Lkoll Flimkien’ u jerġa’ jinbet mill-ġdid l-ewwel weraq tal-bajtar.

Justin Schembri huwa kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali.