Lokali

KRIŻI IDENTITY MALTA: Żvelati każijiet ta’ nies li ngħataw ID Cards ta’ nies oħra

L-evidenza ppubblikata fil-gazzetti

Matul din il-ġimgħa kompliet tikber il-kriżi f’Identity Malta u l-kollass totali tas-sistema tal-karti tal-identità, hekk kif The Malta Independent on Sunday tal-lum żvelat każijiet speċifiċi ta’ nies li ngħataw karti tal-identità li suppost tkun ta’ nies oħra, u li saħansitra għandhom dritt jivvutaw aktar minn darba għax qegħdin imniżżlin fir-reġistru elettorali aktar minn darba.

Dan hu skandlu li qed jikber ma’ kull ġurnata li tgħaddi, u dan minkejja li kemm il-Prim Ministru kif ukoll il-Ministru responsabbli minn Identity Malta Owen Bonnici, dejjem pruvaw ixejjnu dawn id-dettalji, tant li matul din il-ġimgħa, l-Prim Ministru qal li “dan huwa biss eżerċizzju tal-Independent”, u li m’għandu bżonn jieħu ebda passi biex jistabillixi t-taħwid u t-tgerfix li hemm f’Identity Malta.

L-ewwel dettalji ta’ dan l-iskandlu kienu ġew żvelati mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami fil-Parlament meta kien żvela li hemm nies fir-reġistru elettorali li huma mniżżla darbtejn jew saħansitra aktar.

Illum, The Malta Independent on Sunday, ppubblikat dokumenti li juru li, per eżempju, raġel li jgħix f’Tas-Sliema, li sa Ottubru 2012 kellu numru tal-karta tal-identità partikolari, issa m’għadux jinstab fir-reġistru elettorali. Fl-istess ħin, raġel li jgħix is-Swieqi għandu żewġ numri tal-karta tal-identità: tiegħu personali u dak tar-raġel ta’ Tas-Sliema. Dan ifisser li fir-reġistru elettorali hemm individwi li għandhom aktar minn vot wieħed u individwi oħra li m’għandhomx voti.

Każ ieħor hu dak ta’ mara li tgħix Wied il-Għajn li għandha żewġ karti tal-identità u li wkoll imniżżla darbtejn fir-reġistru elettorali.

Il-Ħadd li għadda, The Malta Independent żvelat li skont rapport intern ta’ Identity Malta, minn kampjun ta’ 300 persuna, 80 aktar minn karta tal-identità waħda. Nhar il-Ħadd stess, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil tkellem dwar dan il-każ, u qal li mhux se jħalli lil ħadd jisraq l-elezzjoni ġenerali li jmiss.