Mijiet ta’ Maltin u Għawdxin, ħafna minnhom flimkien mat-tfal tagħhom, qattgħu l-jum tal-Ħadd imdawrin bl-annimali fir-razzett privat tas-Siġġiewi – l-Arka ta’ Noe.
L-attività tal-Ħadd kienet waħda speċjali, hekk kif kull min attenda kien mitlub joffri donazzjoni li tmur għand il-Fondazzjoni ALS Malta, imwaqqfa minn Bjorn Formosa u li qed taħdem biex jitqajjem gharfien u jsir studju fuq din il-kundizzjoni.
Matul il-ġurnata filfatt inġabret is-somma ta’ €7,000, inkluż grazzi għall-bejgħ ta’ flokkijiet speċjali bil-kitba ‘My name is Bjorn’.
Din kienet inizjattiva tas-sidien tal-Arka ta’ Noe, li appellaw lill-pubbliku biex jagħti isem lil Alpaca li twieldet riċentament – suġġeriment minnhom kien li tissemma’ Bjorn, propju għal Bjorn Formosa. U hekk ġara.
Kien hawn li bl-għajnuna ta’ diversi entitajiet ġew ipprintjati numru ta’ flokkijiet bl-istampa tal-alpaca u wkoll isem l-inizjattiva, li nħatfu mill-ewwel.



