Lokali

Sofra ħsara fir-retina t’għajnejh; appell biex jinstabu ż-żewġ irġiel li ħebbew għaż-żagħżugħ f’Buġibba

Għal xi raġuni l-irġiel faqaw tazza tal-ħġieġ f'wiċċ iż-żagħżugħ

Ikompli jiżviluppa l-każ taż-żagħżugħ ta’ 28 sena mill-Mellieħa, li s-Sibt filgħaxija sofra feriti ta’ natura gravi f’għajnejh u f’wiċċu.

Sorsi nfurmaw lil NET News li ż-żagħżugħ ġie operat f’għajnejh, u mistenni jkollu intervent ieħor fil-jiem li ġejjin hekk kif it-tobba qed jippruvaw isalvawlu għajnu wara li ġie attakkat fil-bar fejn jaħdem f’Buġibba.

Il-ġlieda nqalat wara li żewġ irġiel ta’ nazzjonalita’ barranija kienu qegħdin jixorbu ġol-bar Munchies f’Buġibba. F’ħin minnhom is-sidien tal-istabbiliment talbu lil wieħed mill-barranin biex joħroġ ‘il barra.

Hekk kif kien qed jagħmel dan, sieħbu mar minn wara l-barman u faqalu tazza tal-ħġieġ f’wiċċu, bil-konsegwenza li biċċa ħġieġa daħlet f’għajnejh u kkawżatlu tiċrita fir-retina (fir-ritratt, il-biċċa ħġieġa tidher immarkata b’ċirku).

Missier iż-żagħżugħ, li jiġi sid il-ħanut, tefa’ appell fuq Facebook biex jinstabu dawn l-irġiel li qalgħu l-inkwiet u li ħebbew għat-tifel tiegħu waqt il-ħin tax-xogħol. Ittellgħu wkoll ritratti taż-żewġ persuni li allegatament faqaw din it-tazza f’wiċċ iż-żagħżugħ.

Il-missier fuq Facebook appella wkoll biex jekk xi ħadd jarahom l-Ajruport jew viċin it-terminal tal-vapuri jinfurma lill-Pulizija bihom. Il-Pulizija ħarġet stqarrija l-Ħadd filgħodu b’dak li ġara fil-lejl li għadda:

Żagħżugħ ta’ 28 sena jweġġa’ gravi wara ġlieda f’San Pawl il-Baħar