Internazzjonali

Spanja tnaqqas l-oppożizzjoni għal Skozja indipendenti fl-UE

 

It-Tmexxija ta’ Spanja, li qed tikkuntesta mill-ġdid lir-Renju Unit dwar il-kwistjoni ta’ Ġibiltà, tidher li naqqset l-oppożizzjoni għall-possibbiltà ta’ Skozja indipendenti bħala membru tal-Unjoni Ewropea. Għalissa, kelliema f’Madrid qed jgħidu li Spanja mgħandhiex ittellef pass ta’ dan it-tip mill-Iskozja, almenu mill-aspett inizjali.

L-ispinta tal-Iskozja għall-indipendenza reġgħet ħadet ir-ruħ minħabba l-prospett tat-tluq tar-Renju Unit mill-UE fil-proċess tal-Brexit. Intant, il-kunċett tal-indipendenza jibqa’ ferm kontroversjali fi Spanja minħabba l-moviment tas-separatisti attiv fir-reġjun ta’ Katalonja.

Iżda waqt li Spanja ilha meqjusa bħala ostakolu għat-tamiet tal-Iskoċċiżi għal futur fl-UE bħala parti minn Skozja indipendenti, il-Ministru Spanjol għall-Affarijiet Barranin, Alfonso Dastis – permezz ta’ intervista lil El Pais — indika bidla fl-atteġġjament ta’ Madrid.

‘Ma naħsibx li nwaqqfu din l-inizjattiva tal-Iskozja, almenu fil-fażi inizjali,’ kien il-kumment sinifikanti ta’ Dastis – għalkemm il-Ministru Spanjol għamilha ċara li ‘wieħed, ‘il quddiem, irid jara kif l-affarijiet jiżvolġu ladarba l-Iskozja tispiċċa minn membru tal-Unjoni, bħala parti mir-Renju Unit’.

Dastis insista wkoll li Spanja mhix favur ‘il-frammentazzjoni tal-Ewropa’ waqt li żied li f’każ li r-Renju Unit jinqasam, kwalunkwe entità Britannika li ssir Stat u li tkun trid tissieħeb fl-UE trid, l-ewwel, tapplika għal sħubija u timxi mal-passi stipulati.

Il-kummenti ngħataw wara li l-kwistjoni ta’ Ġibiltà – it-territorju Britanniku mal-kosta tan-nofsinar ta’ Spanja – mill-ġdid qajjmet it-tensjoni bejn il-Gvernijiet ta’ Madrid u Londra.

Dan meta l-Unjoni Ewropea, issa, qed tgħid li wara l-proċess tal-Brexit, ma jista’ jsir l-ebda patt bejn l-UE u r-Renju Unit li jaffettwa lil Ġibiltà, mingħajr l-approvazzjoni minn Spanja.

Sadanittant, ir-reazzjoni minn Londra kienet immedjata, fejn insistiet bl-appoġġ għar-residenti ta’ Ġibiltà (li Spanja kienet ċediet fl-1713) li jridu jibqgħu Britanniċi.

Filwaqt li ma riedx jitkellem dwar ‘id-dritt tal-veto’ għal Spanja fil-każ ta’ Ġibiltà, il-Ministru Dastis sostna li hu qed iqis il-pożizzjoni tal-UE ‘minn lenti ferm pożittiva’.