Ambjent Lokali

8 speċi protetti milquta fl-ewwel ġimgħa tal-kaċċa fir-rebbiegħa

Tmien każi magħrufa ta’ għasafar protetti li spiċċaw fil-mira tal-kaċċa illegali mill-ftuħ tal-istaġun, ħamsa minnhom fi tmiem il-ġimgħa biss.

Minn tajr tal-priża midrub bħal Bagħdan Aħmar u Spanjulett sa għasafar iżgħar milquta bħal Rundun, Ħuttafa u Daqquq tat-Toppu, dan huwa l-bilanċ tal-ewwel ġimgħa tal-istaġun tal-kaċċa tar-rebbiegħa għal din is-sena li matulha diġà spiċċaw fil-mira tal-kaċċa illegali diversi speċi protetti.

Bl-ammont ta’ każi li nafu bihom ta’ għasafar li tniżżlu mill-kaċċaturi mill-ftuħ tal-istaġun nhar is-Sibt 25 ta’ Marzu sal-lum ilaħħaq total ta’ tmienja. Fil-każi kollha fejn intalbet l-assistenza ta’ BirdLife Malta, l-għasafar kienu ċertifikati li qed isofru minn feriti kkawżati minn tiri ta’ senter, b’erbgħa minnhom imutu.

Aktar minn nofs il-każi seħħew tul tmiem il-ġimgħa li għaddiet, fi spazju ta’ jumejn biss, bl-għasafar midruba jinġabru minn partijiet differenti ta’ Malta u Għawdex. Huwa ċar minn dak li ġara din il-ġimgħa li sena wara l-oħra l-istaġuni tal-kaċċa fir-rebbiegħa qed ikunu abbużati, b’tajr protett jispiċċa b’mod indiskriminat u illegali fil-mira tal-kaċċa u jinqatel.

Għal darba oħra l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa ta’ din is-sena qed iservi bħala paraventu għal dawk li jisparaw fuq l-għasafar protetti mingħajr l-ebda, jew ftit li xejn, sinjali ta’ infurzar. Fid-dawl ta’ dan, BirdLife Malta qiegħda għal darba oħra ssejjaħ lill-Gvern biex jagħlaq l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa 2017 b’effett immedjat.

Il-bilanċ tal-ewwel ġimgħa ta’ illegalitajiet huwa tliet Bagħdan Ħomor, Spanjulett, Ħuttafa, Rundun u żewġ Daqquq tat-Toppu; kollha miġburin mill-pubbliku. L-illegalitakjiet seħħu f’Selmun, fl-Aħrax tal-Mellieħa, fisSalib tal-Għolja, f’wied f’Ħal Qormi, fit-triq prinċipali tal-Għasri f’Għawdex, fis-Siġġiewi u fil-Marsa.

L-għasfur instab b’ġewnaħ minnhom nofsu mtajjar. Il-fatt li dawn l-għasafar midruba kollha nġabru minn lokalitajiet differenti madwar Malta u Għawdex jindika b’mod ċar li l-illegalitajiet tul dan l-istaġun huma mifruxin madwar il-Gżejjer Maltin. Dawn l-għasafar midruba jirrappreżentaw biss ammont żgħir mill-kaċċa illegali li qed isseħħ bħalissa fil-kampanja.

F’kummenti dwar l-ewwel ġimgħa ta’ dan l-istaġun, il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana saħaq: “Hu għalhekk li BirdLife Malta qed terġa’ tappella lill-Prim Ministru biex jagħlaq b’seħħ immedjat l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa biex ikunu mħarsa lgħasafar tal-passa li bħalissa jkunu fi triqithom biex ibejtu fl-Ewropa. Dan ikun fl-istess linja tal-wegħda ta’ tolleranza zero li għamel il-Prim Ministru nnifsu wara r-referendum ta’ April 2015.

F’dik l-istess sena, il-Prim Ministru kien ħa d-deċiżjoni kuraġġjuża li jagħlaq l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa meta Spanjulett ferut kien spiċċa fil-bitħa tal-Kulleġġ St Edward fil-Kottonera”.

BirdLife Malta trodd ħajr lill-pubbliku li qed jirrapporta każi ta’ kaċċa illegali u għasafar feruti. Inħeġġu lil kull min jiltaqa’ ma’ xi każ ta’ kaċċa illegali biex jirrapportah mill-ewwel ħalli tkun tista’ tittieħed azzjoni mill-aktar fis.

Każi ta’ ksur tal-liġi u ta’ għasafar feruti jistgħu jiġu rrappurtati lill-pulizija fuq 119 u lil BirdLife Malta billi wieħed iċempel fuq 2134 7645/6 fil-ħinijiet tal-uffiċċju jew fuq il-hotline 7925 5697 filgħaxijiet u tul tmiem il-ġimgħa.