Fl-aktar logħba li spikkat ilbieraħ, Juventus ġew draw 1-1 kontra Napoli fis-San Paolo biex issa qegħdin sitt punti fuq Roma li qegħdin it-tieni u 10 punti fuq l-istess Napoli.
Iċ-champions Taljani lagħbu bil-flokk blu minħabba li l-kowċ ta’ Napoli, Sarri ried li t-tim tiegħu jilgħab bil-flokk abjad għax skont hu dan iġib il-fortuna.
Wara seba’ minuti KHEDIRA poġġa lil Juventus fil-vantaġġ billi skurja b’xutt fil-baxx.
Minn hawn ‘il quddiem ir-ritmu tal-logħba naqas u fis-56 minuta Napoli kellhom gowl ta’ Mertens imħassar għal offside. Madankollu erba’ minuti wara eventwalment wasal il-gowl tad-draw. Mertens bidel il-ballun ma’ HAMSIK u dan tal-aħħar għeleb lil Buffon biex għamel l-iskor 1-1.
In-Naplitani komplew jippressaw u erba’ minuti wara kienu sfortunati meta laqtu l-lasta permezz ta’ Mertens.
Napoli u Juventus imisshom jilagħbu nhar l-Erbgħa fit-tieni leg tal-Coppa Italia, għal darba oħra fis-San Paolo fejn Juventus qed igawdu vantaġġ ta’ 3-1.
//= $special ?>