Hibernians kienu fl-aqwa forma sabiex f’konfront dirett huma għelbu lil Balzan sabiex saħħew l-ewwel post tal-klassifika u fetħu vantaġġ ta’ ħames punti. Għal Balzan din kienet it-tieni telfa konsekuttiva fejn issa donnu li fil-mument tal-verita’ naqsu li jqumu għall-okkażjoni. Il-Pawlisti dejjem kienu superjuri għall-avversarji fejn din kienet ir-raba’ rebħa konsekuttiva. Huma dehru kompatti ħafna u magħquda fejn spikkaw il-wing backs Dias u Failla li ħadmu ħafna matul id-disgħin minuta. Għal Balzan dan kien diżappunt kbir fejn issa jidher li dak li tant emmnu u ħasbu li jinsabu viċin tiegħu, ir-rebħ tal-kampjonat, qed jisfaxxa bil-mod il-mod.
Wara taqsima pjuttost bilanċjata, fit-tieni taqsima l-Pawlisti kienu aktar konvinti mill-kwalitajiet tagħhom biex wara li marru mill-ġdid fil-vantaġġ, żiedu gowl ieħor biex issiġillaw ir-rebħa. Il-partita t’għada kontra Valletta tista tagħti l-ewwel indikazzjoni dwar id-direzzjoni tal-kampjonat jekk il-Pawlisti jieħu punt jew tlieta.
Id-derby tant mistenni li din id-darba kellu ftit aktar importanza l-aktar minħabba l-posizzjoni ta’ Valletta fil-klassifika spiċċa fi draw ta’ 1-1.
Kienet logħba li qatt ma’ leħqet xi livelli għoljin iżda li splodiet fl-aħħar għaxar minuti tagħha. Fil-fatt kienu Valletta li kellhom l-aktar mill-pussess u ċansijiet ta’ skor minkejja li dawn tal-aħħar kienu rari. Il-Beltin ħasbu li meta Michael Mifsud sab ix-xibka b’gowl maħdum tajjeb minnu stess tmien minuti mit-tmiem, ir-rebħa kienet ġewwa. Iżda kellu jkun Ryan Camenzuli li kiseb id-draw erba’ minuti biss wara sabiex il-logħba, wara li ngħataw seba’ minuti spiċċat fi draw. Minkejja li l-Greens kellhom in-nuqqas ta’ Pisani, Vella, Scicluna u Samb minn imweġġa u min sospiż, xorta waħda l-importanza tad-derby kienet evidenti. Għal Valletta wara serje ta’ rebħiet, dan id-draw jista jfisser it-tmiem tat-tamiet li jżommu l-kampjonat fil-belt kapitali, aktar u aktar jekk għada jfallu milli jegħlbu lil-leaders Hibernians.
Birkirkara ma’ sabu ebda diffikulta sabiex għelbu lil Mosta sabiex komplew isaħħu r-raba’ post tal-klassifika. Kienet logħba totalment iddominata mill-Istripes li ġabu fix-xejn lil Mosta li b’hekk komplew jikbru l-problemi tagħhom.
Fil-fatt issa mingħajr kowċ wara t-tneħħija ta’ Hornyak u għal din il-logħba bin-nuqqas ukoll tass-sospiż Johann Scicluna l-problemi komplew jikbru aktar. Fil-fatt matul id-disgħin minuta l-gowlkeeper Karkariż kien prattikament spettatur fejn qatt ma’ kien impenjat minn attakk ineżistenti ta’ Mosta li l-akbar problemi li għandhom hija dik biex isibu t-triq tal-gowl. F’din il-logħba minbarra t-tlett gowls skurjati Birkirkara laqtu l-lasta għal darba tnejn bit-triq għar-rebħa tkun waħda faċli mgħejjuna minn gowl kmieni li witta t-triq għal dawn it-tlett punti.
Draw bejn Hamrun u Tarxien ma’ kkuntenta lil ħadd fejn dawn iż-żewġ naħat baqgħu bla rebħa fl-aħħar tmien logħbiet tagħhom. Għal Tarxien forsi ftit tan-nifs kien il-fatt li huma sabu x-xibka wara li kienu ilhom ħames logħbiet ma’ jagħmlu dan.
Iżda minkejja dan il-gowl xorta waħda r-rebħa tant mistennija ma’ waslitx. Ir-reazzjoni tal-Ispartans kienet waħda immedjata fejn huma kisbu d-draw mis-solitu Jake Grech li dan kien it-tnax il-gowl tiegħu fil-kampjonat. Iżda huma ma’ komplewx jibnu fuq dan biex it-tisfira finali tat punt kull wieħed lill-protagonisti ta’ din il-logħba.
Punt li ħalla lit-timijiet fl-istess pożizzjoni komda f’żona bla periklu bir-Rainbows jħarsu lejn is-semi finali tat-Trophy filwaqt li l-Ispartans jistennew b’ħerqa t-tmiem tal-kampjonat biex jkomplu jibnu għall-istaġun li ġej.
Gżira komplew jiksbu aktar punti dan wara li huma xejnu u ġabu fix-xejn l-isfida tat-tim tal-qiegħ Pembroke. Rebħa faċli għal Maroons u Pembroke jkomplu jsofru telfiet kbar din id-darba meta dabbru ħamsa minn Gżira. Rebħa li poġġiet lill-Maroons fit-tmien post tal-klassifika fejn minn mindu ntroduċew fit-tim lil Andrew Cohen huma ssaħħew mhux ftit. Mill-banda l-oħra Pembroke kellhom jiddefendu għal ħinijiet twal u li kieku ma’ kienx il-gowlkeeper tagħhom Calleja Cremona t-telfa kienet tkun ferm akbar.
B’hekk b’din it-telfa Pembroke jkomplu jżommu qiegħ il-klassifika fejn jidher li d-destinazzjoni tagħhom ftit li xejn hemm wieħed x’jiddibatti dwarha. Għax mhux biss li titlef, imma kif titlef. L-iskwadra tidher issa aktar minn qatt qabel bla motivazzjoni u rassenjata.
Sliema kisbu rebħa meritata kontra l-ġirien St. Andrew’s biex komplew saħħew posthom f’ nofs il-klassifika.
Ironikament kienu s-Saints li fetħu l-iskor bi ġmiel ta’ gowl minn Kesinovic iżda l-Wanderers wettqu reazzjoni tajba fejn sitt minuti biss wara kisbu d-draw. Id-daqqa ta’ ħarta għal St. Andrew’s kienet bla dubju t-tkeċċija tad-difensur Che fil-bidu tat-tieni taqsima. Minn hawn il-quddiem Sliema żiedu l-pressjoni u r-ritmu biex skurjaw tliet darbiet fl-aħħar kwart tal-partita. Ta’ min jinnota wkoll li Jean Paul Farrugia kompla bil-mument maġiku tiegħu fejn wara li skorja mat-tim nazzjonali sab ix-xibka darbtejn biex tella’ t-total personali fil-kampjonat għal disa’ gowls.
//= $special ?>