Id-demm tal-vittma li nqatel ilbieraħ għadu qed jiksi parti mill-bankina u t-triq fejn seħħ il-qtil, hekk kif uffiċjali tal-forensika dalgħodu komplew jinvestigaw ix-xena tad-delitt fi Triq Giovanni Barbara, il-Ħamrun.
Aktar: Żagħżugħ jinqatel fir-residenza tiegħu fil-Ħamrun; l-agressur arrestat
L-għada tal-qtil, il-madum imkisser użat fil-ġlieda għadu jidher taħt il-bankina fejn seħħet il-ġlieda. Evidenti wkoll traċċa demm tibda mill-indana ta’ quddiem il-bieb prinċipali tal-blokka u li tibqa’ sejra għal fuq il-bankina u tintemm f’nofs it-triq. Evidenti wkoll marki tas-swaba tas-saqajn fuq il-bankina, impronta bid-demm, li tindika li waqt il-ġlieda kien hemm xi persuna ħafja.
Brandon Pace ta’ 21 sena magħruf bħala ‘Ta’ Galalli’ nqatel waqt ġlieda li seħħet bejnu u bejn Kurt Grech, magħruf bħala In-Nemes, aktarx minħabba argument li kien ilu jiżviluppa għal numru ta’ jiem dwar tfajla. Il-ġlieda bejniethom seħħet fi blokka appartamenti u mhux eskluż li fiha ntużaw skieken kif ukoll biċċiet tal-madum. Waqt il-kommossjoni ma kienx hemm biss il-vittma u l-aggressur fil-post, iżda wkoll membri mill-familji rispettivi tagħhom.
Il-Pulizija bdew l-investigazzjonijiet tagħhom ilbieraħ stess, fejn ġabru l-aktar informazzjoni essenzjali marbuta mal-każ. Fost oħrajn, uffiċjali forensiċi studjaw iż-żona fejn seħħet il-ġlieda li wasslet għall-mewt ta’ Brandon Pace. Bejn ilbieraħ u dalgħodu, partijiet mill-indana u l-entratura tal-blokka ġew preservati billi tgħattew bil-plastik sabiex l-uffiċjali tal-forensika dalgħodu setgħu jkomplu bl-investigazzjonijiet tagħhom u jiġbru aktar evidenza. Dan kollu taħt l-għassa tal-Pulizija li matul il-lejl għassew fuq l-entratura ta’ Blokka J ta’ Triq Giovanni Barbara l-Ħamrun.
//= $special ?>