Sena wara li l-Konsorzju Internazzjonali tal-Ġurnalisti Investigattivi (ICIJ) ippubblikaw il-Panama Papers, l-akbar leaks fl-istorja, il-Ministru Konrad Mizzi għadu qed jirrifjuta li jwieġeb il-mistoqsijiet dwar dan l-iskandlu. Filfatt, għaddiet sena minn meta l-ICIJ ippubblika l-Panama Papers, eluf ta’ dokumenti li sal-lum għadhom ikkunsidrati bħala l-akbar leaks fl-istorja, li kixfu l-mod kif il-politiċi u n-nies sinjuri minn madwar id-dinja kienu qed jaħbu l-flus maħmuġin permezz tal-kumpaniji u l-kontijiet sigrieti.
Fost il-lista ta’ persuni implikati fil-Panama Papers hemm il-Ministru Konrad Mizzi, li ismu tfaċċa fl-istess lista ma’ ismijiet ta’ nies oħra b’rabtiet ma’ mexxejja politiċi dubjużi u dittaturi, fosthom il-President Aliyev tal-Ażerbajġan u Gaddafi.
“Jien naħseb dan it-topic eżawrejtu, irrispondejt kemm-il darba, għamilt press statements u m’għandix xi nżid” qal Konrad Mizzi waqt attività miftuħa għall-media f’Kastilja meta NET News staqsa ta min hi l-kumpanija ‘Egrant’. “Is-suġġett eżawrejtu” tenna l-Ministru meta reġa’ kien mistoqsi dwar l-iskandlu tal-Panama, din id-darba mill-gazzetta The Times dwar mnejn kien se jġib miljun fis-sena biex ipoġġihom fl-istrutturi sigrieti li fetaħ barra minn xtutna.
“Dan it-topic eżawrejtu” – Konrad Mizzi
F’Malta, l-iskandlu tal-Panama kien diġa ġie żvelat fit-22 ta’ Frar 2016 mill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Madanakollu, il-ħruġ tal-Panama Papers fit-3 ta’ April 2016 mhux biss ikkonferma l-involviment ta’ Konrad Mizzi, iżda poġġa lil Malta f’dell mill-ikraħ peress li Konrad Mizzi kien (u għadu) l-uniku Ministru Ewropew li ssemma fil-Panama Papers.
Il-ħruġ tal-Panama Papers sena ilu qanqal tibdil politiku kbir madwar id-dinja kollha. Iżda mhux f’Malta, fejn il-Prim Ministru Joseph Muscat baqa’ jiddefendi lil Konrad Mizzi. U dan minkejja protesti kbar li l-Maltin għamlu kontra l-korruzzjoni tal-Gvern ta’ Muscat. Sal-lum, Konrad Mizzi għadu jgawdi l-fiduċja ta’ Muscat, tant li saħansitra żdiedulu r-responsabilitajiet.
Apparti Konrad Mizzi, anke ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, nqabad li fetaħ kumpanija sigrieta fil-Panama. Sadanittant, Muscat qed jiċħad li t-tielet kumpanija sigrieta ‘Egrant’ hija tiegħu. Dokumenti mingħand Nexia BT lil Mossack Fonseca, żvelati fil-Panama Papers, jikkonfermaw li ‘Egrant’ kellha tkun għal xi ħadd tant importanti li ismu ma setgħax jissemma f’email.
//= $special ?>