Studju kkummissjonat mill-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni (MCA) f’Lulju tas-sena 2016 jiżvela li iktar minn tliet kwarti tal-konsumaturi ta’ kull età f’Malta u Għawdex jużaw l-internet.
Minkejja li l-laptop/desktop jibqa’ l-apparat l-iktar komuni fost il-maġġoranza tal-utenti tal-internet, l-ismartphones u t-tablets qegħdin aktar ma jmur isiru popolari, b’żieda ta’ 29% u 17% rispettivament f’dawn l-aħħar sentejn.
L-istudju jiżvela li iżjed konsumaturi saru jużaw l-internet anke waqt xiri. Fil-fatt, l-internet huwa meqjus bħala l-ewwel mezz li l-konsumaturi jikkonsultaw sabiex jfittxu dwar prodotti u/jew bejjiegħa qabel jixtru.
Interessanti li madwar 70% tal-utenti tal-internet jagħmlu dan, irrispettivament jekk ix-xiri ssirx onlajn jew minnħanut. Min-naħa l-oħra, huma biss 19% li jippreferu jżuru l-ħanut għal iktar informazzjoni qabel jixtru prodott jew servizz. Barraminnhekk, l-istudju jiżvela wkoll li 66% tal-individwi ta’ eta bejn 18 u 29 sena, li jaċċessaw l-internet fuq il-mowbajl, jużawh waqt li qed jixtru fil-ħwienet; kemm biex ifittxu għal iktar informazzjoni dwar xi prodott partikolari u anke biex iqabblu l-prezzijiet.
L-istudju jħares ukoll lejn l-mod ta’ kif il-konsumaturi qegħdin jużaw-midja soċjali. Illum, il-konsumaturi qegħdin ukoll jużaw l-internet sabiex jinteraġixxu mal-bejjiegħa b’mezzi differenti.
Fil-fatt, 87% tal-utenti tal-internet jużaw il-midja soċjali, speċjalment Facebook. Apparti jaġġornaw l-istatus tagħhom u jixxerjaw ritratti u filmati, li tista’ tgħid huma l-attivitajiet l-aktar komuni marbutin mal-midja soċjali, il-konsumaturi qegħdin ukoll jikkonsultaw ma’ dawn il-mezzi soċjali qabel jiddeċiedu x’ser jixtru.
Madwar wieħed minn kull sitt konsumatur isegwu d-ditti favoriti tagħhom u jaraw l-kummenti ta’ sħabhom u esperti fuq il-prodott qabel jixtru, filwaqt li aktar minn nofs fost dawk kollha li jużaw il-midja soċjali, jagħmlu like jew share tal-prodott, tad-ditta, jew tal-bejjiegħ, u jistennew li jkunu infurmati dwar l-offerti promozjonali.
L-istudju jiżvela wkoll li 31% ta’ dawk li jużaw il-midja soċjali jitfgħu kummenti kemm pożittivi kif ukoll negattivi dwar l-esperjenza li kellhom rigward xi prodott jew bejjiegħ, u għalhekk jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet ta’ konsumaturi oħra.
Tendenza oħra li ħarget minn dan l-istudju hi li madwar 78% tal-utenti tal-internet saru xerrejja diġitali, bil-maġġoranza ta’ dawn jistqarru li xtraw xi ħaġa onlajn fit-tliet xhur ta’ qabel ma sar l-istudju. Dan jista’ jiġi attribwit għall-livell tas-servizz li qed jingħataw minn ħwienet onlajn, peress li l-maġġoranza tal-konsumaturi diġitali jistqarru li huma sodisfatti bl-esperjenza tagħhom fuq l-internet.
Iktar min-nofs il-konsumaturi diġitali jippreferu jibdew jagħmlu r-riċerka tagħhom dwar xi prodott u/jew servizz billi jirreferu għall-swieq kummerċjali elettroniċi, filwaqt li 42% ta’ dawn jużaw ukoll is-search engines bħala mezz alternattiv. 19% biss jibdew il-proċess tax-xiri tagħhom mill-ewwel fuq is-search engines. Min-naħa l-oħra, l-ġenerazzjoni żagħżugħa hija l-iktar waħda li taċċessa s-siti tal-bejjiegħa qabel tixtri, imma b’rata ferm inqas mill- użu li tagħmel mis-swieq kummerċjali elettroniċi u s-search engines.
Il-fatt li n-numru ta’ konsumaturi li jixtru onlajn kif ukoll il-frekwenza li qegħdin jixtru biha qiegħda tiżdied, juri biċ-ċar li l-kummerċ elettroniku qiegħed kulma jmur jikber. In-numru ta’ konsumaturi li jixtru online darbtejn jew tlieta f’xahar żdied minn 20% fl-2014 għal 33% filwaqt li l-ammont ta’ dawk li jixtru darba f’ġimgħa, illum jilħaq it-13% – żieda, pjuttost sinifikanti, ta’ 3% mill-2014. L-apparat l-aktar użat minn-80% tal-konsumaturi diġitali għall-xiri onlajn huwa l-laptop/desktop.
Dan jidher biċ-ċar fost l-etajiet kollha, speċjalment dawk li għandhom iktar minn 66 sena (93%) u l-generazzjoni żagħżugħa (85%). 74% jużaw iktar minn apparat wieħed biex jixtru onlajn – iktar min-50% tal-konsumaturi diġitali iħossuhom komdi jużaw l-ismartphone filwaqt li 31% huma komdi bit-tablets.
Filwaqt li l-mobiles jintużaw iktar mill-generazzjoni żagħżugħa, it-tablets huma iktar popolari mal-baby boomers. Dan juri li l-konsumaturi qegħdin jibdew japprezzaw il-konvenjenza li jġibu magħhom l-mowbajl u t-tablet: li tista’ tixtri meta trid u minn fejn trid.
Minkejja dan, ftit inqas minn terz tal-konsumaturi diġitali jixtru onlajn minn siti lokali, fejn il-maġġoranza tal-bejgħ huwa ristrett għall-biljetti ta’ l-ajru jew għal xi avvenimenti jew għal ibbukkjar ta’ akkommodazzjoni.
Iżda,fuq nota pożittiva, xorta qed naraw żieda fost l-affarijiet li jinxtraw minn fuq siti lokali. Barraminnhekk, 80% tal-konsumaturi diġitali jistqarru li kieku jkunu iktar mħeġġa jixtru minn siti lokali jekk il-kunsinna tkun offruta b’xejn u/jew issir f’qasir żmien.
Min-naħa l-oħra, ix-xiri online minn fuq siti barranin jibqa ferm popolari mal-Maltin. L-iktar affarijiet li jinxtraw u li dejjemqegħdin jiżdiedu fost il-konsumaturi, huma l-ħwejjeġ u ż-żraben (77%), ibbukkjar ta’ akkommodazzjoni u biljetti tal-ajru (74%).
Arranġamenti oħra tal-ivvjaġġar,kiri ta’ karozzi, eskursjonijiet, u trasport żdiedu wkoll, minn 12% fl-2014 għal 59%, u biljetti ta’ avvenimenti minn 12% għal 47% .
Ir-raġuni ewlenija għaliex ċerta konsumaturi joqogħdu lura milli jixtru onlajn huwa minħabba il-fatt li wieħed ma jkunx jista’ jifli u jipprova l-oġġett qabel jixtri. Fatturi oħra li jżommu lill-konsumaturi milli jixtru minn fuq l-Internet u li ma tantx inbidlu matul is-snin, huma prinċipalment relatati mal-kunsinna u nuqqas ta’ tagħrif dwar kif wieħed jixtri online.
Madankollu, l-ammont ta’ konsumaturi li jsemmu in-nuqqas ta’ sigurtà u nuqqas ta’ interess, jidher li qiegħed jonqos, sena wara oħra.
//= $special ?>