Fil-Qorti illum bdiet tinstema’ l-kawża li fetaħ il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista fil-konfront tal-General Workers’ Union dwar il-ksur tal-kuntratt tal-kiri tal-Workers’ Memorial Building fil-Belt Valletta mill-istess GWU meta kriet partijiet minnu lil terzi.
Iżda is-seduta tal-lum kienet karatterizzata mill-argumenti bejn iż-żewġ partijiet wara li l-avukati tal-GWU talbu r-rekuża tal-Imħallef Jacqueline Padovani Grima li qed tisma’ l-kawża.
Il-GWU qed tallega dubji dwar nuqqas ta’ imparzjalita’ minħabba li l-kawża tal-PN qed titmexxa mill-Avukat Edward Debono, li hu senior partner mad-ditta legali Fenech & Fenech, li magħha jaħdmu qraba tal-istess Imħallef.
Fosthom issemmew Kenneth Grima, li hu senior partner fid-ditta u Rowena Grima li taħdem bħala Prokuratur Legali fil-qasam marittimu tad-ditta. It-tnejn huma aħwa tal-Imħallef Padovani Grima. Anki Ann Fenech, li tmexxi d-ditta bħala Managing Partner u hi l-President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-PN għandha parentela mal-Imħallef Padovani Grima għaliex Ann Fenech tiġi l-mara tal-kuġin tal-mara ta’ Kenneth Grima, li jiġi ħu l-Imħallef.
Fit-trattazzjoni tiegħu għan-nom tal-GWU l-Avukat John Bonello qal li filwaqt li hemm mal-50 professjonist li jaħdmu mad-ditta Fenech & Fenech, il-partners prinċipali huma membri tal-familja Fenech u hemm relazzjoni diretta jew indiretta mal-Imħallef sedenti.
Hu qal li l-eżitu ta’ din il-kawża jew l-impressjoni tagħha, tista’ tħalli effett ħażin fuq il-kawża partikolari u l-amministrazzjoni tal-ġustizzja b’mod ġenerali.
Fir-replika tiegħu, l-Avukat Jason Azzopardi qal li bl-argument tan-naħa l-oħra qed jiġi redikolat l-obbligu tal-imparzjalita’ u kemm fir-rikors kif ukoll fit-trattazzjoni ma ntqalx għaliex m’hemmx imparzjalita’. Hu qal li skont is-sentenzi tal-Qorti Ewropea fi Strasbourg, l-elementi li għandhom iwasslu għal rekuża ta’ ġudikant huma t-twemmin personali u l-imġieba tiegħu jew f’każ fejn ġudikant isib quddiem kawża li kellu involviment fiha meta kien għadu avukat. L-Avukat Azzopardi qal li wieħed irid joqgħod attent biex ma jkunx inkoraġġit dak li jissejjaħ “forum shopping” fejn il-partijiet jipprovaw jagħżlu quddiem min tinstema’ l-kawża
L-Avukat Daniel Buttigieg – li deher minflok l-Avukat Edward Debono li jinsab imsiefer – qal li d-ditta tiegħu kellha diversi kawżi li dehru quddiem l-Imħallef Padovani Grima; li kellhom jintrebħu intrebħu u li kellhom jintilfu, intilfu. Hu tenna li dan ir-rikors qed jitfa’ dell ikrah fuq il-Qorti.
Il-każ infetaħ mill-Grupp Parlamentari tal-PN wara li l-GWU kriet partijiet mill-Workers’ Memorial Building fil-Belt Valletta lil terzi bi ksur tar-Riżoluzzjoni fil-Parlament li jirregola l-kirja tal-istess bini lill-union. Din ir-riżoluzzjoni, li kienet maqbula b’mod unanimu fil-Parlament, tgħid li l-GWU ma tistax tikri partijiet tal-Workers Memorial Building lil terzi, ħlief għal kumpaniji sussidjarji li l-GWU tkun l-azzjonist ewlieni tagħhom. Iżda l-GWU fil-fatt kriet parti minn dan il-bini lil terzi, fosthom lil Arms Ltd.
Id-deċiżjoni dwar ir-rekuża tal-Imħallef Padovani Grima mistennija għal nhar it-Tnejn li ġej.
L-Avukati Jason Azzopardi u Daniel Buttigieg qed jidhru f’isem il-Grupp Parlamentari tal-PN filwaqt li l-Avukati John Bonello u Aaron Mifsud Bonnici qed jidhru għall-GWU. Qed jidhru wkoll fil-kawża l-Avukat Victoria Buttigieg mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, l-Avukat Stefano Filletti għall-Kummissarju tal-Artijiet, l-Avukat Stefan Zrinzo Azzopardi għal Arms Ltd u l-Avukati Marion Camilleri u Amadeus Cachia għar-ristorant Sciacca Grill.
//= $special ?>