Lokali

Il-Kamra tal-Periti u l-Inġiniera f’laqgħa mal-PN

Il-Partit Nazzjonalista jiltaqa' ma' rapreżentanti mill-Kamra tal-Periti u tal-Inġiniera
Ryan Callus qal li dan id-dokument mhux biss qed joffri proposti dwar l-ambjent u l-ekonomija, iżda wkoll dwar il-kwalità ta’ ħajja aħjar għall-Maltin u l-Għawdxin.

Wara li f’Jannar kien pubblikat id-dokument tal-Partit Nazzjonalista bi proposti ‘A Better Qaulity of Life For You’, bħala parti mill-kampanja ta’ ‘Idea Ambjent’ tal-Partit Nazzjonalista, il-Partit Nazzjonalista ltaqa’ ma’ rapreżentanti tal-Kamra tal-Periti u tal-Kamra tal-Inġiniera.

Il-kelliem tal-Ambjent, Artijiet, MEPA u Infrastruttura tal-Partit Nazzjonalista, Ryan Callus qal li dan id-dokument mhux biss qed joffri proposti dwar l-ambjent u l-ekonomija, iżda wkoll dwar il-kwalità ta’ ħajja aħjar għall-Maltin u l-Għawdxin.

Hu qal li dan id-dokoument jitkellem primarjament fuq erba’ aspetti. L-ewwel wieħed hu l-aspett ambjentali ta’ madwarna li jinvolvi kemm dak li għadu jrid jiġi żviluppat u kemm dak li diġà jeżisti u kif nistgħu nieħdu ħsiebu. It-tieni aspett huwa dak li għandu x’jaqsam mal-enerġija. Hu qal li għandu jiġi ċċarat x’inhuma d-drittijiet tan-nies li tinvesti f’sistemi ta’ panelli solari għall-propjetà. It-tielet aspett huwa dak tal-ilma ġġenerat permezz tar-riverse osmosis f’Malta u li jista’ jkun qed jispiċċa biż-żmien. Ir-raba’ aspett huwa dak tal-iskart. Ryan Callus qal li dan id-dokument jitratta l-problema tan-nuqqas ta’ riċiklaġġ.

Filfatt, waqt din l-ewwel laqgħa wara li ġie ppubblikat dan id-dokument, kemm il-Kamra tal-Inġiniera u anki tal-Periti ressqu l-ħsibijiet tagħhom. Norman Zammit, mill-Kamra tal-Inġiniera qal li d-dokument imħejji mill-Partit Nazzjonalista hu interessanti u l-proposti tiegħu joħolqu element ta’ sostenibbilità. Apparti minn hekk hu qal li l-enerġija għandha impatt kbir fuq l-ambjent ta’ madwarna iżda m’għandnix niffukaw biss fuq dik solari. Filfatt hu qal li kemm ir-riħ u anki l-baħar huma sors kbir li bihom wieħed jista’ jiġġenera enerġija bżonnjuża.

Alex Torpiano mill-Kamra tal-Periti qal li għalkemm ilna nisimgħu ħafna bi proposti relatati mal-ambjent u l-ekonomija, hemm bżonn li issa jibda jkun hemm ukoll viżjoni ta’ kif Malta għandha tkun soċjalment tajba. Hu qal li dawn it-tip ta’ diskussjonijiet huma importanti ħafna li jsiru u li dak li joħroġ minnhom għandu jittieħed bis-serjetà.

Għal din il-laqgħa attendew ukoll Mark Anthony Sammut u Stanely Zammit, żewġ kandidati għall-elezzjoni ġenerali tal-Partit Nazzjonalista flimkien ma’ Simone Vella Lenicker li kienet iċ-chairperson ta’  Idea Ambjent.